This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022L2381
Directive (EU) 2022/2381 of the European Parliament and of the Council of 23 November 2022 on improving the gender balance among directors of listed companies and related measures (Text with EEA relevance)
Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpanniji elenkati u miżuri relatati (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpanniji elenkati u miżuri relatati (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/59/2022/INIT
ĠU L 315, 7.12.2022, p. 44–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
7.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 315/44 |
DIRETTIVA (UE) 2022/2381 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Novembru 2022
dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpanniji elenkati u miżuri relatati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-ugwaljanza hija valur fundatur tal-Unjoni u hija komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn tipprevali l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Skont l-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. |
(2) |
L-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill setgħat sabiex jadottaw miżuri mmirati biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol. |
(3) |
Bl-għan li tkun żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, l-Artikolu 157(4) TFUE jippermetti azzjoni pożittiva billi jippermetti lill-Istati Membri jżommu u jadottaw miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għas-sess li jkun sottorappreżentat biex ifittex attività vokazzjonali jew biex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali. L-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) jipprevedi li hemm bżonn li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi żgurata fl-oqsma kollha u li l-prinċipju tal-ugwaljanza ma jistax jipprevjeni ż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi favur is-sess sottorappreżentat. |
(4) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie pproklamat b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2017, jinkorpora fost il-prinċipji tiegħu l-ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg u l-progressjoni tal-karriera. |
(5) |
Il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol teħtieġ approċċ komprensiv, li jinkludi wkoll it-trawwim ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbilanċjat bejn il-ġeneri fi ħdan il-kumpanniji fil-livelli kollha, kif ukoll it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. L-iżgurar tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol huwa wkoll prerekwiżit ewlieni għat-tnaqqis tal-faqar fost in-nisa. |
(6) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 84/635/KEE (4) rrakkomandat li l-Istati Membri jieħdu passi biex jiżguraw li l-azzjoni pożittiva tinkludi, sa fejn possibbli, azzjonijiet li għandhom effett fuq il-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE (5) rrakkomandat li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-settur privat biex iżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni, jew fi ħdan il-qafas, ta’ pjanijiet ta’ ugwaljanza u programmi ta’ azzjoni pożittiva. |
(7) |
Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel u li tikseb rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri fost l-ogħla pożizzjonijiet maniġerjali billi tistabbilixxi sett ta’ rekwiżiti proċedurali dwar l-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur abbażi tat-trasparenza u l-mertu. |
(8) |
F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni ppreżentat diversi rapporti li janalizzaw is-sitwazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi. Hija inkoraġġiet lill-kumpanniji elenkati biex iżidu l-għadd ta’ membri tas-sess sottorappreżentat fuq il-bordijiet tagħhom permezz ta’ miżuri awtoregolatorji u biex jagħmlu impenji volontarji konkreti f’dak ir-rigward. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2010 intitolata “Impenn imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel - Karta f’Isem il-Mara”, il-Kummissjoni enfasizzat li n-nisa għad ma għandhomx aċċess sħiħ għall-qsim tas-setgħa u t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika u ekonomika u fis-setturi pubbliċi u privati, u rriaffermat l-impenn tagħha li tuża l-poteri tagħha biex tikseb rappreżentazzjoni aktar ġusta tan-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta’ setgħa fil-ħajja pubblika u fl-ekonomija. It-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet kien wieħed mill-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010 intitolata “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015”. Il-kisba ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politika hija waħda mill-prijoritajiet imniżżlin fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn il-Ġeneri għall-2020-2025”. |
(9) |
Fil-konklużjoni tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), il-Kunsill irrikonoxxa li l-politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività. Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jtemm id-disparità bejn il-ġeneri bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fi tliet oqsma ta’ rilevanza kbira għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġifieri l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Huwa ħeġġeġ ukoll azzjoni għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir użu sħiħ mit-talenti kollha. F’dak ir-rigward, l-użu sħiħ tat-talent, tal-għarfien u tal-ideat disponibbli kollha sseddaq id-diversità tar-riżorsi umani u ttejjeb il-prospetti tan-negozju. |
(10) |
Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (l-“Istrateġija Ewropa 2020”), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija prekondizzjoni għat-tisħiħ tat-tkabbir u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi fl-Ewropa. L-Istrateġija Ewropa 2020 stabbiliet mira ewlenija li tintlaħaq rata ta’ impjiegi minn tal-inqas 75 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2020. Huwa importanti li jittieħed impenn ċar favur l-eliminazzjoni tad-differenzi persistenti bejn il-ġeneri fil-pagi u li jsir sforz imsaħħaħ biex jiġu indirizzati l-ostakli kollha għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż il-fenomenu eżistenti tas-“saqaf tal-ħġieġ”. Id-Dikjarazzjoni ta’ Porto li ġiet iffirmata mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fit-8 ta’ Mejju 2021 (6), laqgħet il-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2021 intitolata “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”. Dak il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi li, sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali ta’ rata ta’ impjieg ta’ mill-inqas 78 % fost il-popolazzjoni tal-Unjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena sal-2030, huwa neċessarju li jsir sforz biex id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi titnaqqas tal-inqas bin-nofs meta mqabbla mal-2019. It-titjib tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, b’mod partikolari fuq il-bordijiet, huwa mistenni li jkollu effett residwu pożittiv fuq l-impjieg ta’ nisa fil-kumpanniji kkonċernati u fl-ekonomija kollha. Wara l-kriżi tal-COVID-19, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tmexxija inklużiva huma importanti aktar minn qatt qabel, f’konformità mal-ħtieġa li jsir użu sħiħ mir-riżerva ta’ talent disponibbli, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Ir-riċerka wriet li l-inklużjoni u d-diversità jiffaċilitaw l-irkupru u r-reżiljenza. Dawn huma ta’ importanza vitali biex tiġi żgurata l-kompetittività ekonomika tal-Unjoni, biex tiġi inkoraġġuta l-innovazzjoni u jissaħħu l-kompetenzi professjonali fil-bordijiet tal-kumpanniji. |
(11) |
Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju, ħeġġeġ lill-kumpanniji biex jilħqu l-limitu kritiku ta’ sehem femminili ta’ 30 % fil-korpi maniġerjali sal-2015 u 40 % sal-2020. Hu stieden lill-Kummissjoni, jekk il-passi meħuda mill-kumpanniji u mill-Istati Membri jinstabu li huma inadegwati, li tipproponi leġiżlazzjoni sal-2012, inklużi kwoti. Ikun importanti li tali leġiżlazzjoni tiġi implimentata fuq bażi temporanja u li sservi bħala katalista għal bidla u għal riformi rapidi mfassla sabiex jiġu eliminati l-inugwaljanzi persistenti bejn il-ġeneri u stereotipi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ambitu ekonomiku. Il-Parlament Ewropew tenna dik is-sejħa għal-leġiżlazzjoni fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2012 u tal-21 ta’ Jannar 2021. |
(12) |
Huwa importanti li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni imexxu bl-eżempju fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri billi, fost l-oħrajn, jistabbilixxu objettivi għal rappreżentanza bbilanċjata bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-maniġment. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-politiki ta’ reklutaġġ għall-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri. Għalhekk, fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta’ Ugwaljanza: l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025” il-Kummissjoni enfasizzat li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jiżguraw ukoll bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ April 2022 intitolata “Strateġija ġdida dwar ir-Riżorsi Umani għall-Kummissjoni” il-Kummissjoni impenjat ruħha li tiżgura ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-maniġment tagħha sal-2024. Il-Kummissjoni ser timmonitorja l-progress u tirrapporta regolarment f’dak ir-rigward fuq is-sit web tagħha. Il-Kummissjoni tkompli tikkondividi l-aħjar prattiki ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni u ser tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija f’dawk l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji fuq is-sit web tagħha. Il-Parlament Ewropew, fid-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2020, qabel li jistabbilixxi miri għall-bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet maniġerjali superjuri u intermedji għall-2024. Il-Parlament Ewropew ser ikompli jissorvelja l-progress fil-livelli kollha tal-maniġment tiegħu u għandu l-għan li jmexxi bl-eżempju. Il-Kunsill ħa l-impenn, fl-Istrateġija tiegħu dwar id-Diversità u l-Inklużjoni 2021-2024, li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pożizzjonijiet maniġerjali tas-Segretarjat Ġenerali (SĠK) tiegħu b’marġni ta’ bejn 45 u 55 % sa mhux aktar tard minn tmiem l-2026. Il-Pjan ta’ Azzjoni tas-SĠK għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-Maniġment jistabbilixxi miżuri biex jinkiseb dan l-objettiv. |
(13) |
Huwa importanti li l-kumpanniji u n-negozji jrawmu, jappoġġaw u jiżviluppaw it-talent femminili fil-livelli kollha u matul il-karrieri tagħhom, sabiex jiżguraw li n-nisa kkwalifikati jingħataw opportunitajiet biex ikollhom pożizzjonijiet fuq il-bordijiet u pożizzjonijiet maniġerjali. |
(14) |
Sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, tipprevedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ indukrar bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ liv tal-ġenituri, tal-paternità u tal-persuni li jindukraw, flimkien mal-liv tal-maternità eżistenti. Dik id-Direttiva tipprevedi wkoll id-dritt li jintalbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli. |
(15) |
Il-ħatra tan-nisa bħala diretturi qed tiġi ostakolata b’diversi fatturi speċifiċi li jistgħu jingħelbu mhux biss permezz ta’ regoli vinkolanti, iżda anke permezz ta’ inizjattivi edukattivi u inċentivi li jinkoraġixxu prattika tajba. L-ewwel huwa essenzjali li tiżdied is-sensibilizzazzjoni fl-iskejjel tan-negozju u fl-universitajiet dwar il-benefiċċji li ġġib l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-kompetittività tal-kumpanniji. Huwa wkoll neċessarju li jitħeġġeġ it-tiġdid regolari tad-diretturi u li jiġu introdotti miżuri pożittivi li jippromwovu u jirrikonoxxu sforzi mill-Istati Membri u l-kumpanniji biex jadottaw approċċ aktar deċiżiv għal tali bidliet f’korpi prinċipali li jieħdu deċiżjonijiet ekonomiċi fil-livelli kollha. |
(16) |
L-Unjoni għandha riżerva kbira ta’ nisa bi kwalifiki għolja, li qiegħda tikber b’mod kostanti kif inhu kkonfermat mill-fatt li 60 % tal-gradwati mill-universitajiet huma nisa. Il-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet huwa essenzjali għal użu effiċjenti ta’ dik ir-riżerva eżistenti, li huwa essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi u ekonomiċi tal-Unjoni. Għalhekk, is-sottorappreżentanza tan-nisa fuq il-bordijiet hija opportunità mitlufa għall-ekonomiji tal-Istati Membri b’mod ġenerali u għall-iżvilupp u t-tkabbir tagħhom. Li nagħmlu użu sħiħ mir-riżerva eżistenti ta’ talent femminili jtejjeb ukoll ir-rendiment fuq l-edukazzjoni kemm għall-individwi kif ukoll għas-settur pubbliku. Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet ittejjeb il-governanza korporattiva, minħabba li l-prestazzjoni tat-tim u l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet jissaħħu minn mentalità aktar diversa u kollettiva li tinkorpora firxa usa’ ta’ perspettivi. Bosta studji wrew li d-diversità twassal għal mudell tan-negozju aktar proattiv, deċiżjonijiet aktar ibbilanċjati u standards professjonali mtejba fuq il-bordijiet li jirriflettu aħjar ir-realtajiet tas-soċjetà u l-ħtiġijiet tal-konsumatur. Din tinkoraġġixxi wkoll l-innovazzjoni. Bosta studji wrew ukoll li hemm relazzjoni pożittiva bejn id-diversità tal-ġeneri fl-ogħla livell maniġerjali u l-prestazzjoni finanzjarja u l-profitabbiltà ta’ impriża, li jwassal għal tkabbir sostenibbli fit-tul sostanzjali. Il-kisba ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet hija għalhekk ta’ importanza vitali biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-Unjoni f’ekonomija globalizzata u tkun toffri vantaġġ komparattiv fil-konfront ta’ pajjiżi terzi. |
(17) |
Iż-żieda tar-rappreżentanza tan-nisa fuq il-bordijiet mhux biss taffettwa n-nisa maħtura fuq il-bordijiet, iżda tikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi attirat talent femminili lejn il-kumpannija u tiġi żgurata preżenza ikbar tan-nisa fil-livelli maniġerjali kollha u fil-forza tax-xogħol. Għalhekk, sehem akbar ta’ nisa fuq il-bordijiet x’aktarx iħalli impatt pożittiv fuq it-tnaqqis kemm tad-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi. |
(18) |
Minkejja evidenza tal-impatt ta’ benefiċċju tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-kumpanniji nfushom u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali, u minkejja l-liġi eżistenti tal-Unjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess u l-azzjonijiet eżistenti fil-livell tal-Unjoni li jinkoraġġixxu l-awtoregolamentazzjoni, in-nisa jibqgħu ferm sottorappreżentati fl-ogħla korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanniji madwar l-Unjoni. L-istatistika turi li l-proporzjon ta’ nisa involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kummerċjali tal-ogħla livell għadu baxx ħafna. Jekk nofs ir-riżerva tat-talenti lanqas biss titqies għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija, il-proċess u l-kwalità tal-ħatriet infushom jistgħu jkunu kompromessi u dan jista’ jżid n-nuqqas ta’ fiduċja fl-istrutturi tal-poter imprenditorjali u jista’ jwassal għal tnaqqis fl-użu effiċjenti tal-kapital uman disponibbli. Huwa importanti li l-kompożizzjoni tas-soċjetà tkun riflessa fedelment fit-teħid tad-deċiżjonijiet korporattivi u li jintuża l-potenzjal tal-popolazzjoni kollha tal-Unjoni. Skont l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, fl-2021, in-nisa kienu jirrappreżentaw medja ta’ 30,6 % tal-membri tal-bordijiet fl-akbar kumpanniji elenkati u ta’ 8,5 % biss tal-presidenti. Dak jindika sottorappreżentanza inġusta u diskriminatorja tan-nisa, u b’hekk idgħajjef b’mod ċar il-prinċipji tal-Unjoni ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel fl-oqsma tal-impjiegi u x-xogħol. Għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti u msaħħa miżuri biex jinkoraġġixxu l-progress fil-karriera għan-nisa fil-livelli kollha tal-maniġment, u għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li dak ikun il-każ fil-kumpanniji elenkati, minħabba r-responsabbiltà ekonomika u soċjali sinifikanti ta’ tali kumpanniji. Barra minn hekk, huwa importanti li l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jmexxu bl-eżempju fir-rigward tar-rimedju tal-iżbilanċi eżistenti bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tal-bordijiet ta’ maniġment proprja tagħhom. |
(19) |
Il-proporzjon ta’ nisa fuq il-bordijiet żdied bil-mod ħafna tul l-aħħar snin. Ir-rata ta’ titjib varjat fost l-Istati Membri u wasslet għal riżultati diverġenti ħafna. Ġie nnotat progress ħafna iktar sinifikanti f’dawk l-Istati Membri fejn ġew introdotti miżuri vinkolanti. Dik id-diverġenza x’aktarx li tiżdied minħabba l-approċċi differenti ħafna biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkondividu informazzjoni dwar il-miżuri effettivi meħuda u l-politiki adottati fil-livell nazzjonali, u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, bil-għan li jiġi appoġġat il-progress madwar l-Unjoni biex tinkiseb rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet. |
(20) |
Ir-regolamentazzjoni mferrxa u diverġenti jew in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpanniji elenkati mhux biss twassal għal diskrepanzi fl-għadd ta’ nisa fost id-diretturi mhux eżekuttivi u għal rati differenti ta’ titjib madwar l-Istati Membri, iżda wkoll toħloq ostakli għas-suq intern billi timponi rekwiżiti diverġenti dwar il-governanza korporattiva fuq il-kumpanniji elenkati fl-Unjoni. Dawk id-differenzi fir-rekwiżiti legali u awtoregolatorji għall-kompożizzjoni tal-bordijiet jistgħu jwasslu għal komplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpanniji elenkati li joperaw bejn il-fruntieri, b’mod partikolari meta jistabbilixxu sussidjarji jew f’fużjonijiet u akkwisti, u għall-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ direttur. |
(21) |
L-iżbilanċi bejn il-ġeneri fil-kumpanniji huma ikbar fil-livelli iktar superjuri. Barra dan, bosta minn dawk in-nisa li huma rrappreżentati fil-livell ta’ maniġment superjuri jinsabu f’oqsma bħar-riżorsi umani u l-komunikazzjoni, filwaqt li huwa iktar probabbli li l-irġiel fil-livell superjuri jiġu impjegati fil-maniġment ġenerali jew maniġment operattiv fil-kumpannija. Billi r-riżerva ewlenija għar-reklutaġġ għall-pożizzjonijiet ta’ direttur fil-parti l-kbira tagħha hija magħmula minn kandidati b’esperjenza f’maniġment superjuri, huwa ta’ importanza vitali li l-għadd ta’ nisa li javvanzaw għal dawn il-pożizzjonijiet maniġerjali fil-kumpanniji jiżdied. |
(22) |
Wieħed mill-fatturi ewlenin li jippermetti li din id-Direttiva tkun implimentata b’mod korrett hija l-applikazzjoni effettiva tal-kriterji, li jkunu stabbiliti minn qabel u bi trasparenza sħiħa, għall-għażla tad-diretturi fejn il-kwalifiki, l-għarfien u l-ħiliet tal-kandidati jitqiesu fuq bażi ugwali, indipendenti mill-ġeneru tagħhom. |
(23) |
In-nuqqas attwali ta’ trasparenza fil-proċess tal-għażla u l-kriterji ta’ kwalifika għall-pożizzjonijiet ta’ direttur fil-parti l-kbira tal-Istati Membri jirrappreżenta ostaklu sinifikanti għal bilanċ akbar bejn il-ġeneri fost id-diretturi u jaffettwa b’mod negattiv kemm il-karrieri u l-libertà tal-moviment tal-kandidati u d-deċiżjonijiet tal-investituri. Tali nuqqas ta’ trasparenza jwaqqaf lil kandidati potenzjali għal pożizzjonijiet ta’ direttur milli japplikaw għal bordijiet fejn il-kwalifiki tagħhom ikunu l-aktar meħtieġa u milli jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ ħatra li jiddiskriminaw abbażi tal-ġeneru, u b’hekk ifixkel il-moviment ħieles tagħhom fi ħdan is-suq intern. Min-naħa l-oħra, l-investituri jista’ jkollhom strateġiji ta’ investiment li jirrikjedu li tingħata l-informazzjoni marbuta wkoll mal-għarfien espert u l-kompetenza tad-diretturi. Aktar trasparenza fil-kriterji dwar il-kwalifiki u l-proċedura tal-għażla għal diretturi tippermetti lill-investituri jevalwaw aħjar l-istrateġija kummerċjali tal-kumpannija u li jieħdu deċiżjonijiet infurmati. Huwa importanti li l-proċess ta’ ħatra fil-bordijiet ikun ċar u trasparenti u li l-kandidati jiġu vvalutati oġġettivament fuq il-merti individwali tagħhom, indipendenti mill-ġeneru tagħhom. |
(24) |
Filwaqt li din id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessi tal-għażla u l-kriterji ta’ kwalifika għall-pożizzjonijiet ta’ direttur fid-dettall, l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti minimi għall-kumpanniji elenkati mingħajr rappreżentazzjoni bilanċjata tal-ġeneri fir-rigward tal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għal pożizzjonijiet ta’ direttur abbażi ta’ proċess tal-għażla definita b’mod ċar u valutazzjoni komparattiva objettiva tal-kwalifiki tagħhom f’termini ta’ adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali hija neċessarja bil-għan li jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri. Hija biss miżura vinkolanti fuq il-livell tal-Unjoni li tista’ effettivament tgħin biex ikunu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni madwar l-Unjoni u jiġu evitati komplikazzjonijiet prattiċi fil-ħajja tan-negozju. |
(25) |
Għalhekk l-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li żżid il-preżenza ta’ nisa fuq il-bordijiet fl-Istati Membri kollha, sabiex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku, titħeġġeġ il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol, tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpanniji elenkati u biex tintlaħaq ugwaljanza effettiva bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol. Dak l-għan jenħtieġ li jintlaħaq billi jiġu stipulati rekwiżiti minimi fir-rigward ta’ azzjoni pożittiva fil-forma ta’ miżuri vinkolanti. Dawk il-miżuri vinkolanti għandhom l-għan li jiksbu objettiv kwantitattiv għall-kompożizzjoni tal-ġeneru tal-bordijiet, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri u pajjiżi terzi li għażlu dak il-metodu jew metodu simili kisbu l-aħjar riżultati fit-tnaqqis tas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi. |
(26) |
Huwa importanti li kull kumpannija elenkata tiżviluppa politika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, sabiex tinkiseb rappreżentanza tal-ġeneri aktar bilanċjata fil-livelli kollha. Tali politiki jistgħu jinkludu n-nomina ta’ kandidat mara kif ukoll ta’ kandidat raġel għal pożizzjonijiet ewlenin, skemi ta’ mentoraġġ u gwida għall-iżvilupp tal-karriera għan-nisa, u strateġiji ta’ riżorsi umani mfassla biex jinkoraġġixxu reklutaġġ varjat. |
(27) |
Il-kumpanniji elenkati għandhom importanza ekonomika, viżibilità u impatt partikolari fis-suq kollu kemm hu. Tali kumpanniji jistabbilixxu standards għall-ekonomija usa’ u l-prattiki tagħhom jista’ jiġi mistenni li jiġu segwiti minn tipi oħra ta’ kumpanniji. In-natura pubblika tal-kumpanniji elenkati tiġġustifika li huma jiġu rregolati aktar fl-interess pubbliku. |
(28) |
Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw għal kumpanniji elenkati. |
(29) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). |
(30) |
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola l-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jkun l-Istat Membru li fih il-kumpannija elenkata inkwistjoni jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-kumpanniji għal kwistjonijiet mhux irregolati minn din id-Direttiva. |
(31) |
Hemm diversi sistemi tal-istrutturi tal-bordijiet għal kumpanniji elenkati fl-Istati Membri, fejn id-distinzjoni prinċipali hi bejn sistema b’żewġ livelli b’kemm bord maniġerjali kif ukoll bord superviżorju u sistema unitarja li tikkombina l-funzjonijiet tal-maniġment u tas-sorveljanza f’bord uniku. Jeżistu wkoll sistemi mħallta, li jinvolvu aspetti taż-żewġ sistemi jew li jagħtu lill-kumpanniji għażla bejn mudelli differenti. Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għas-sistemi eżistenti kollha tal-bordijiet fl-Istati Membri. |
(32) |
Is-sistemi kollha tal-bordijiet jiddistingwu, de jure jew de facto, bejn id-diretturi eżekuttivi, li huma involuti fil-maniġment ta’ kuljum tal-kumpannija, u d-diretturi mhux eżekuttivi li jwettqu funzjoni superviżorja u li mhumiex involuti fil-maniġment ta’ kuljum tal-kumpannija elenkata. Din id-Direttiva timmira li ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost iż-żewġ kategoriji ta’ diretturi. Sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-bordijiet u l-ħtieġa li jiġi mminimizzat l-indħil fil-maniġment ta’ kuljum ta’ kumpannija, din id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn dawk iż-żewġ kategoriji ta’ direttur. |
(33) |
F’bosta Stati Membri, ċertu proporzjon tad-diretturi mhux eżekuttivi jistgħu jew iridu, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali, jinħatru jew jiġu eletti mill-ħaddiema tal-kumpanniji, mill-organizzazzjonijiet tal-impjegati jew mit-tnejn. L-objettivi kwantitattivi stipulati f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw ukoll għal dawn id-diretturi. Madankollu, minħabba li xi diretturi mhux eżekuttivi huma r-rappreżentanti tal-impjegati, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-mezzi biex jiġi żgurat li dawk l-objettivi jinkisbu, b’konsiderazzjoni xierqa għar-regoli speċifiċi għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ rappreżentanti tal-impjegati kif stabbilit fil-liġi nazzjonali u b’rispett għal-libertà tal-votazzjoni fl-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati. Minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-kumpanniji tal-Istati Membri, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li japplikaw l-objettivi kwantitattivi separatament għar-rappreżentanti tal-azzjonisti u għar-rappreżentanti tal-impjegati. |
(34) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jissoġġettaw lill-kumpanniji elenkati jew għall-objettiv li jkollhom bordijiet li fuqhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-inqas 40 % ta’ pożizzjonijiet ta’ diretturi mhux eżekuttivi sat-30 ta’ Ġunju 2026 jew, alternattivament, ladarba huwa importanti li l-kumpanniji elenkati jżidu l-proporzjon tas-sess sottorappreżentat fil-pożizzjonijiet kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għall-objettiv li jkollhom bordijiet li fuqhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-inqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur sat-30 ta’ Ġunju 2026, irrispettivament minn jekk ikunux eżekuttivi jew mhux eżekuttivi, bil-ħsieb li tiġi promossa rappreżentanza tas-sessi aktar ibbilanċjata fost id-diretturi kollha. |
(35) |
L-objettivi li jkun hemm bordijiet li fuqhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-inqas 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv jew tal-inqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur jikkonċernaw il-bilanċ globali bejn il-ġeneri fost id-diretturi u ma għandhomx ifixklu l-għażla konkreta ta’ diretturi individwali minn riżerva wiesgħa ta’ kandidati rġiel u nisa f’kull każ individwali. B’mod partikolari, din id-Direttiva ma teskludi ebda kandidat partikolari għal pożizzjonijiet ta’ direttur, u lanqas ma timponi xi diretturi individwali fuq il-kumpanniji elenkati jew l-azzjonisti. Id-deċiżjoni dwar id-diretturi xierqa għalhekk tibqa’ tal-kumpanniji elenkati u tal-azzjonisti. |
(36) |
Fid-dawl tax-xorta tagħhom, huwa xieraq li l-impriżi pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva iservu ta’ mudell għas-settur privat. L-Istati Membri jeżerċitaw influwenza dominanti fuq kumpanniji pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (8), li huma elenkati f’suq regolat. Minħabba din l-influwenza dominanti, l-Istati Membri għandhom l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex iġibu l-bidla meħtieġa aktar malajr. |
(37) |
Id-determinazzjoni tal-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur neċessarju biex jinkisbu l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva tirrikjedi aktar speċifikazzjoni billi, minħabba d-daqs ta’ bosta bordijiet, mhuwiex possibbli matematikament li tintlaħaq il-proporzjon eżatta ta’ 40 % jew, fejn applikabbli, 33 %. Għaldaqstant, l-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur neċessarju biex jinkisbu l-objettivi stipulati f’dan id-Direttiva jenħtieġ li jkun l-għadd l-eqreb għall-proporzjon ta’ 40 % jew, fejn applikabbli, 33 %, u fiż-żewġ każijiet jenħtieġ li ma jaqbiżx id-49 %. |
(38) |
Fil-ġurisprudenza (9) tagħha dwar l-azzjoni pożittiva u l-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi ta’ sess, li huwa wkoll stipulat fl-Artikolu 21 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“Qorti tal-Ġustizzja”) aċċettat li l-prijorità f’ċerti każijiet tista’ tingħata lis-sess sottorappreżentat fl-għażla għal impjieg jew promozzjoni, dment li l-kandidat mis-sess sottorappreżentat ikun ugwalment ikkwalifikat meta mqabbel mal-kompetitur tas-sess l-ieħor f’termini ta’ adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, li l-prijorità ma tkunx awtomatika u bla kondizzjonijiet iżda tista’ ma tingħatax jekk raġunijiet speċifiċi għal kandidat individwali tas-sess l-ieħor ixaqilbu l-bilanċ favur dak il-kandidat, u li l-applikazzjoni ta’ kull kandidat tkun soġġetta għal valutazzjoni oġġettiva li tapplika b’mod speċifiku l-kriterji tal-għażla kollha għall-kandidati individwali. |
(39) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk il-kumpanniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess sottorappreżentat għandhom inqas minn 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv jew inqas minn 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur, inkluż kemm diretturi eżekuttivi kif ukoll dawk mhux eżekuttivi kif applikabbli, jagħżlu l-iktar kandidati kkwalifikati għall-ħatra jew l-elezzjoni għal dawk il-pożizzjonijiet abbażi ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalifiki tal-kandidati billi japplikaw kriterji ċari, ifformulati b’mod newtrali u li mhumiex ambigwi stabbiliti qabel il-proċess tal-għażla, bil-għan li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Eżempji ta’ tipi ta’ kriterji ta’ għażla li l-kumpanniji elenkati jistgħu japplikaw jinkludu esperjenza professjonali f’kompiti maniġerjali jew ta’ superviżjoni, esperjenza internazzjonali, multidixxiplinarità, tmexxija, ħiliet ta’ komunikazzjoni, kapaċitajiet ta’ networking u għarfien f’oqsma rilevanti speċifiċi bħall-finanzi, is-sorveljanza finanzjarja jew il-maniġment tar-riżorsi umani. |
(40) |
Meta jintgħażlu l-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-kandidat ugwalment ikkwalifikat tas-sess sottorappreżentat. Madankollu, tali prijorità ma għandhiex tikkostitwixxi preferenza awtomatika u bla kondizzjonijiet. Jista’ jkun hemm każijiet eċċezzjonali fejn valutazzjoni oġġettiva dwar is-sitwazzjoni speċifika ta’ kandidat ugwalment ikkwalifikat tas-sess l-ieħor tista’ tieħu preċedenza fuq il-preferenza li, inkella, jkollha tingħata lill-kandidat tas-sess sottorappreżentat. Tali preċedenza ta’ preferenza tista’ sseħħ, pereżempju, fejn politiki ta’ diversità usa’ japplikaw fil-livell nazzjonali jew tal-kumpannija għall-għażla ta’ diretturi. Il-preċedenza fuq l-applikazzjoni ta’ azzjoni pożittiva jenħtieġ li madankollu tibqa’ eċċezzjonali, tkun ibbażata fuq valutazzjoni skont il-każ u tkun debitament ġustifikata minn kriterji oġġettivi li, fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li ma jiddiskriminawx kontra s-sess sottorappreżentat. |
(41) |
Fi Stati Membri fejn ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva relatati mal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur huma applikabbli, il-kumpanniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom tal-anqas 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv jew tal-anqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur, kif applikabbli, jenħtieġ li ma jkunux obbligati li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. |
(42) |
Il-metodi tal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn kumpannija elenkata għal oħra. Dawn jistgħu jinvolvu l-preselezzjoni ta’ kandidati li jiġu ppreżentati lill-assemblea tal-azzjonisti, pereżempju minn kumitat ta’ nominazzjoni jew minn ditti ta’ tiftix tal-eżekuttivi. Ir-rekwiżiti għall-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur jenħtieġ li jintlaħqu fi stadju xieraq tal-proċess tal-għażla skont il-liġi nazzjonali u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpanniji elenkati kkonċernati, inkluż qabel l-elezzjoni ta’ kandidat mill-azzjonisti, pereżempju meta titħejja lista mqassra. F’dak ir-rigward, din id-Direttiva tistabbilixxi l-istandards minimi biss għall-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur, u b’hekk tagħmel possibbli l-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jinkiseb l-objettiv ta’ rappreżentazzjoni iktar bilanċjata ta’ nisa u rġiel fil-bordijiet tal-kumpanniji elenkati. Din id-Direttiva ma tinterferixxix bla bżonn fil-maniġment ta’ kuljum ta’ kumpanniji elenkati, peress li dawn iżommu l-libertà li jagħżlu l-kandidati fuq il-bażi tal-kwalifiki jew ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi rilevanti oħra. |
(43) |
Fid-dawl tal-objettivi ta’ din id-Direttiva rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri, il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkunu meħtieġa fuq talba ta’ kandidat għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjoni ta’ direttur, li jinformaw lil dak il-kandidat bil-kriterji tal-kwalifiki li fuqhom l-għażla kienet ibbażata, il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kandidati skont dawn il-kriterji u, fejn rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi li eċċezzjonalment ixaqilbu l-bilanċ favur kandidat li mhux mis-sess sottorappreżentat. Rekwiżit li tingħata tali informazzjoni jista’ jimplika limitazzjoni għad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li huma rikonoxxuti, rispettivament, mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet huma neċessarji u, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jilħqu b’mod ġenwin objettivi rikonoxxuti ta’ interess ġenerali. Għalhekk huma konformi mar-rekwiżiti għal tali limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali limitazzjonijiet jenħtieġ jiġu applikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
(44) |
Fejn kandidat mis-sess sottorappreżentat għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjoni ta’ direttur jistabbilixxi fatti, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, li minnhom jista’ jiġi preżunt li dak il-kandidat kien ikkwalifikat bl-istess mod bħall-kandidat magħżul tas-sess l-ieħor, il-kumpannija elenkata jenħtieġ li tkun meħtieġa turi l-korrettezza tal-għażla. |
(45) |
Filwaqt li din id-Direttiva tfittex li tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-forma ta’ miżuri vinkolanti biex tittejjeb il-kompożizzjoni tal-ġeneru tal-bordijiet,, huwa importanti, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, li tiġi rikonoxxuta l-leġittimità ta’ approċċi differenti u li tiġi rikonoxxuta l-effettività ta’ ċerti miżuri nazzjonali eżistenti, diġà adottati f’dan il-qasam ta’ politika, li wrew riżultati sodisfaċenti. Għalhekk, f’xi Stati Membri, diġà saru sforzi biex tiġi żgurata rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti li huma kkunsidrati effettivi daqs dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jissospendu l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva relatati mal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur u, fejn rilevanti, dawk relatati mal-istabbiliment ta’ objettivi kwantitattivi individwali, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet għal sospensjoni stabbiliti f’din id-Direttiva. F’każijiet bħal dawn, fejn l-Istati Membri jkunu introduċew tali miżuri vinkolanti permezz ta’ liġi nazzjonali, ir-regoli ta’ tqarrib stabbiliti f’din id-Direttiva fir-rigward tal-għadd speċifiku ta’ diretturi jenħtieġ li jiġu applikati mutatis mutandis għall-fini tal-valutazzjoni ta’ dawk il-miżuri nazzjonali skont din id-Direttiva. Fi Stat Membru fejn tali sospensjoni tkun tapplika, l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva jenħtieġ li jitqiesu li ntlaħqu u għalhekk l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva fir-rigward tad-diretturi mhux eżekuttivi jew id-diretturi kollha ma jissostitwixxux u ma jiġux miżjuda mal-miżuri nazzjonali rilevanti. |
(46) |
Bil-għan ukoll li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi involuti f’kompiti tal-maniġment ta’ kuljum, il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkunu meħtieġa li jistabbilixxu objettivi kwantitattivi individwali rigward rappreżentanza aktar bilanċjata taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi, bil-għan li jinkisbu tali objettivi sad-data stabbilita f’din id-Direttiva. Dawk l-objettivi jenħtieġ li jgħinu lill-kumpanniji biex jiksbu progress tanġibbli meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali tagħhom. Dak l-obbligu jenħtieġ li ma japplikax għal kumpanniji elenkati li jilħqu l-objettiv ta’ 33 % rilevanti għad-diretturi kollha, kemm eżekuttivi kif ukoll dawk mhux eżekuttivi. |
(47) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jobbligaw lill-kumpanniji elenkati, fuq bażi annwali, sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ġeneru tal-bordijiet tagħhom u dwar il-miżuri li ttieħdu bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva, lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jippermettulhom jivvalutaw il-progress magħmul minn kull kumpannija elenkata lejn il-kisba tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi. Il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jippubblikaw tali informazzjoni b’mod xieraq u faċilment aċċessibbli fuq is-siti web tagħhom u jinkluduha fir-rapporti annwali tagħhom. Fejn kumpannija elenkata ma tkunx kisbet l-objettivi kwantitattivi applikabbli, din jenħtieġ li tinkludi f’tali informazzjoni deskrizzjoni tal-miżuri konkreti li hija tkun ħadet jew li biħsiebha tieħu fil-futur sabiex tikseb l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn u duplikazzjoni tal-isforzi, l-informazzjoni dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet li għandha tiġi rrapportata skont din id-Direttiva jenħtieġ li tifforma parti, fejn applikabbli, mid-dikjarazzjoni ta’ governanza korporattiva ta’ kumpanniji elenkati, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli u, b’mod partikolari mad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Fejn l-Istati Membri jkunu ssospendew l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 skont l-Artikolu 12, l-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti f’din id-Direttiva jenħtieġ li ma japplikawx, dment li l-liġi nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri tipprovdi għal obbligi ta’ rappurtar li jiżguraw li l-informazzjoni rigward il-progress magħmul minn kumpanniji elenkati lejn il-kisba ta’ rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet tagħhom tiġi ppubblikata regolarment. |
(48) |
Ir-rekwiżiti relatati mal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur, l-obbligu li jiġi stabbilit objettiv kwantitattiv b’rabta mad-diretturi eżekuttivi u l-obbligi ta’ rappurtar jenħtieġ li jkunu infurzati b’penali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati jkunu disponibbli għal dak il-għan. Tali penali jistgħu jinkludu multi jew il-possibbiltà li korp ġudizzjarju jannulla deċiżjoni li tikkonċerna l-għażla tad-diretturi jew li jiddikjaraha nulla u mingħajr effett. Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar l-impożizzjoni ta’ penali, dment li l-kumpanniji elenkati jkunu konformi ma’ dawk l-obbligi, jenħtieġ li dawn ma jiġux ippenalizzati talli ma jkunx irnexxielhom jilħqu l-objettivi kwantitattivi li jikkonċernaw ir-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi. Jenħtieġ li l-penali ma jiġux applikati għall-kumpanniji elenkati stess jekk taħt il-liġi nazzjonali azzjoni jew ommissjoni partikolari ma tkunx attribwibbli lill-kumpannija, iżda lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn bħal azzjonisti individwali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li japplikaw penali għajr dawk elenkati fil-lista mhux eżawrjenti ta’ penali stabbiliti f’din id-Direttiva, speċjalment f’każijiet ta’ ksur serju u ripetut minn kumpannija elenkata relatata mal-obbligi stipulati minn din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, il-kumpanniji elenkati jikkonformaw mal-obbligi applikabbli relatati mal-liġi soċjali u tax-xogħol, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. |
(49) |
L-Istati Membri jew il-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkunu jistgħu jintroduċu jew iżommu miżuri aktar favorevoli biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni iktar ibbilanċjata tan-nisa u l-irġiel. |
(50) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Barra minn hekk, kampanji ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki jkunu jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għas-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjoni fost il-kumpanniji elenkati kollha u jinkoraġġuhom jilħqu bilanċ bejn il-ġeneri b’mod proattiv. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu politika biex isostnu u jinċentivaw lill-SMEs biex itejbu b’mod sinifikanti il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli maniġerjali kollha u fuq il-bordijiet. |
(51) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 23 tal-Karta) u l-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol (l-Artikolu 15 tal-Karta). Din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47 tal-Karta). Il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17(1) tal-Karta) jirrispettaw l-essenza ta’ dik il-libertà u ta’ dak id-dritt u huma neċessarja u proporzjonati. Huwa possibbli li jsiru limitazzjonijiet biss jekk ikunu ġenwinament jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. |
(52) |
Filwaqt li xi Stati Membri ħadu azzjoni regolatorja jew inkoraġġew l-awtoregolamentazzjoni b’riżultati mħalltin, il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma ħadux azzjoni jew indikaw ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod li jwassal għal titjib suffiċjenti. Projezzjonijiet ibbażati fuq analiżi komprensiva tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar ix-xejriet tal-imgħoddi u dawk attwali u l-intenzjonijiet juru li Stat Membri li jaġixxu individwalment mhux ser jiksbu rappreżentazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi fl-Unjoni kollha f’konformità mal-objettivi stipulati f’din id-Direttiva fi kwalunkwe punt fil-futur prevedibbli. In-nuqqas ta’ azzjoni f’dan il-qasam inaqqas ir-ritmu tat-tfittxija tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol b’mod aktar ġenerali, inkluż f’termini ta’ tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, li tirriżulta parzjalment minn segregazzjoni vertikali. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkostanzi u minħabba d-diskrepanzi li dejjem qed jikbru bejn l-Istati Membri f’termini tar-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet, il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet fl-Unjoni kollha jista’ jittejjeb biss permezz ta’ approċċ komuni, u l-potenzjal għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-kompetittività u t-tkabbir jista’ jintlaħaq aħjar permezz ta’ azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni aktar milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali ta’ kamp ta’ applikazzjoni, ambizzjoni u effikaċja varjabbli. Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-kisba ta’ rappreżentanza aktar ibbilanċjata ta’ nisa u rġiel fost id-diretturi ta’ kumpanniji elenkati billi jiġu stabbiliti miżuri effettivi li għandhom l-għan li jgħaġġlu l-progress lejn il-bilanċ bejn il-ġeneri, filwaqt li l-kumpanniji elenkati jkollhom biżżejjed żmien biex jagħmlu l-arranġament neċessarji għal dak il-għan, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva hija limitata għall-iffissar ta’ għanijiet u prinċipji komuni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-objettiv. L-Istati Membri huma mogħtija biżżejjed libertà biex jiddeterminaw kif l-objettivi stipulati f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinkisbu l-aħjar meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli u l-prattiki li jikkonċernaw ir-reklutaġġ fuq il-bordijiet. Din id-Direttiva ma tinterferixxix mal-possibbiltà li l-kumpanniji elenkati jaħtru d-diretturi l-aktar ikkwalifikati, u toffri qafas flessibbli u tipprovdi għal perjodu twil biżżejjed ta’ adattament. |
(53) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili sabiex jinfurmawhom b’mod effiċjenti dwar is-sinifikat, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. |
(54) |
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-objettivi li jridu jintlaħqu mill-kumpanniji elenkati jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien u jenħtieġ li jibqa’ fis-seħħ biss sakemm isir progress sostenibbli dwar il-kompożizzjoni tal-ġeneri tal-bordijiet. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Barra minn hekk, din id-Direttiva tipprevedi data li fiha tiskadi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina, fir-rieżami tagħha, jekk hemmx il-ħtieġa li testendi t-tul taż-żmien ta’ din id-Direttiva lil hinn minn dik id-data. |
(55) |
F’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni, (12) l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Għan
Din id-Direttiva għandha l-għan li tikseb rappreżentazzjoni aktar ibbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi ta’ kumpanniji elenkati billi tistabbilixxi miżuri effettivi li għandhom l-għan li jgħaġġlu l-progress lejn il-bilanċ bejn il-ġeneri, filwaqt li tħalli lill-kumpanniji elenkati biżżejjed żmien biex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji għal dak il-fini.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Direttiva tapplika għal kumpanniji elenkati. Din id-Direttiva ma tapplikax għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“kumpannija elenkata” tfisser kumpannija li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru u li l-ishma tagħha huma ammessi għan-negozjar f’suq regolat fit-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (21), tad-Direttiva 2014/65/UE fi Stat Membru wieħed jew aktar; |
(2) |
“bord” tfisser korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ kumpannija elenkata; |
(3) |
“direttur” tfisser membru ta’ bord, inkluż membru li huwa rappreżentant tal-impjegati; |
(4) |
“direttur eżekuttiv” tfisser membru ta’ bord unitarju li hu involut fil-maniġment ta’ kuljum ta’ kumpannija elenkata jew, fil-każ ta’ sistema b’żewġ bordijiet, membru tal-bord li jwettaq il-funzjonijiet ta’ maniġment ta’ kumpannija elenkata; |
(5) |
“direttur mhux eżekuttiv” tfisser membru ta’ bord unitarju li mhux direttur eżekuttiv jew, fil-każ ta’ sistema b’żewġ bordijiet, membru tal-bord li jwettaq il-funzjonijiet superviżorji ta’ kumpannija elenkata; |
(6) |
“bord unitarju” tfisser bord uniku li jwettaq kemm il-funzjonijiet maniġerjali kif ukoll dawk superviżorji ta’ kumpannija elenkata; |
(7) |
“sistema b’żewġ bordijiet” tfisser sistema li fiha l-funzjonijiet maniġerjali u superviżorji ta’ kumpannija elenkata jitwettqu minn bordijiet separati; |
(8) |
“intrapriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser kumpannija li timpjega inqas minn 250 persuna u li għandha fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx EUR 43 miljun, jew, għal SME li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-ewro, l-ammonti ekwivalenti fil-munita ta’ dak l-Istat Membru. |
Artikolu 4
Liġi applikabbli
L-Istat Membru kompetenti biex jirregola materji koperti minn din id-Direttiva fir-rigward ta’ kumpannija elenkata partikolari għandu jkun l-Istat Membru fejn dik il-kumpannija jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
Artikolu 5
Objettivi fir-rigward ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fuq bordijiet
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji elenkati jkunu soġġetti għal wieħed mill-objettivi li ġejjin, li għandhom jintlaħqu sat-30 ta’ Ġunju 2026:
(a) |
il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 40 % tal-pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv; |
(b) |
il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 33 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ diretturi, inkluż diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi. |
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji elenkati li ma jkunux soġġetti għall-objettiv stipulat fil-paragrafu 1, il-punt (b), jistabbilixxu objettivi kwantitattivi individwali bil-ħsieb li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fost id-diretturi eżekuttivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali kumpanniji elenkati jkollhom l-għan li jiksbu tali objettivi kwantitattivi individwali sat-30 ta’ Ġunju 2026.
3. L-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur mhux eżekuttiv meqjus neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv stipulat fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jkun l-għadd l-eqreb lejn il-proporzjon ta’ 40 %, iżda li ma jaqbiżx 49 %. L-għadd tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur meqjus neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jkun l-għadd l-eqreb lejn il-proporzjon ta’ 33 %, iżda li ma jaqbiżx 49 %. Dak l-għadd huwa mogħti fl-Anness.
Artikolu 6
Mezzi sabiex jinkisbu l-objettivi
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji elenkati li ma jiksbux l-objettivi msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (a) jew (b), kif applikabbli, jaġġustaw il-proċess tal-għażla tal-kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur. Dawk il-kandidati għandhom jintgħażlu abbażi ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalifiki ta’ kull kandidat. Għal dak il-fini, għandhom jiġu applikati kriterji ċari, ifformulati b’mod newtrali u mhux ambigwi b’mod mhux diskriminatorju matul il-proċess kollu tal-għażla, inkluż matul it-tħejjija ta’ avviżi ta’ postijiet battala, il-fażi ta’ preselezzjoni, il-fażi tat-tpoġġija fuq lista qasira u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ għażla ta’ kandidati. Tali kriterji għandhom jiġu stabbiliti qabel dak il-proċess tal-għażla.
2. Fir-rigward tal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ direttur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jagħżlu bejn kandidati li huma ugwalment kwalifikati f’termini ta’ adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, tingħata prijorità lill-kandidat tas-sess sottorappreżentat sakemm, f’każijiet eċċezzjonali, raġunijiet ta’ piż legali akbar, bħat-twettiq ta’ politiki oħra dwar id-diversità, invokati fil-kuntest ta’ valutazzjoni oġġettiva li tqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ kandidat tas-sess l-ieħor u li hija bbażata fuq kriterji mhux diskriminatorji, ixaqilbu l-bilanċ favur il-kandidat tas-sess l-ieħor.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba ta’ kandidat li jkun ġie kkunsidrat matul l-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur, il-kumpanniji elenkati huma obbligati jgħarrfu lil dak il-kandidat b’dan li ġej:
(a) |
il-kriterji tal-kwalifiki li kienu l-bażi tal-għażla; |
(b) |
il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kandidati skont dawk il-kriterji; u |
(c) |
fejn rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi li eċċezzjonalment xaqilbu l-bilanċ favur kandidat li mhux mis-sess sottorappreżentat. |
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li fejn kandidat li ma ġiex aċċettat u li jkun mis-sess sottorappreżentat jistabbilixxi fatti, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, li minnhom jista’ jiġi preżunt li dak il-kandidat kien kwalifikat daqs il-kandidat tas-sess l-ieħor li ntgħażel għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur, għandha tkun il-kumpannija elenkata li tipprova li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 6(2).
Dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għar-rikorrenti.
5. Fejn il-proċess tal-għażla ta’ kandidati għall-ħatra jew l-elezzjoni għall-pożizzjoni ta’ direttur isir permezz ta’ votazzjoni tal-azzjonisti jew l-impjegati, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpanniji elenkati jiżguraw li l-votanti jkunu infurmati kif xieraq dwar il-miżuri previsti f’din id-Direttiva, inkluż penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-kumpannija elenkata.
Artikolu 7
Rapportar
1. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kumpanniji elenkati jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, darba fis-sena, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ġeneri fuq il-bordijiet tagħhom, b’distinzjoni bejn diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi, u dwar il-miżuri meħuda bil-għan li jinkisbu l-objettivi applikabbli stipulati fl-Artikoli 5(1) u, fejn applikabbli, l-objettivi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(2). L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpanniji elenkati jippubblikaw dik l-informazzjoni b’mod xieraq u aċċessibbli faċilment fuq is-siti web tagħhom. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw u jaġġornaw regolarment, b’mod faċilment aċċessibbli u ċentralizzat, lista tal-kumpanniji elenkati li jkunu kisbu kwalunkwe wieħed mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 5(1).
2. Meta kumpannija elenkata ma tkunx kisbet wieħed mill-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(1) jew, fejn applikabbli, l-objettivi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(2), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi r-raġunijiet għalfejn objettivi ma nkisbux u deskrizzjoni komprensiva tal-miżuri li l-kumpannija elenkata diġà ħadet jew biħsiebha tieħu sabiex tiksibhom.
3. Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi inkluża wkoll fid-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva tal-kumpannija, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/34/UE.
4. L-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw fi Stat Membru li jkun issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 skont l-Artikolu 12 fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi għal obbligi ta’ rappurtar li jiżguraw il-pubblikazzjoni regolari ta’ informazzjoni rigward il-progress li sar minn kumpanniji elenkati lejn rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet tagħhom.
Artikolu 8
Penali u miżuri addizzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur minn kumpanniji elenkati tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 6 u 7, kif applikabbli, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jkunu disponibbli l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adegwati sabiex ikun possibbli li jiġu infurzati l-obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Tali penali jistgħu jkunu jinvolvu multi jew il-possibbiltà li korp ġudizzjarju jannulla deċiżjoni li tikkonċerna l-għażla tad-diretturi magħmula b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 6 jew li jiddikjaraha nulla u mingħajr effett. L-Istati Membri għandhom sat-28 ta’ Diċembru 2024, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli jew b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
2. Kumpanniji elenkati jistgħu jinżammu responsabbli biss għal atti jew ommissjonijiet li jistgħu jiġu attribwiti lilhom skont il-liġi nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet, il-kumpanniji elenkati jikkonformaw mal-obbligi applikabbli relatati mal-liġi soċjali u tax-xogħol, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni.
Artikolu 9
Rekwiżiti minimi
L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk stipulati f’din id-Direttiva biex tiġi żgurata rappreżentazzjoni iktar ibbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fir-rigward ta’ kumpanniji elenkati inkorporati fit-territorju nazzjonali tagħhom.
Artikolu 10
Korpi għall-promozzjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri f’kumpanniji elenkati
L-Istati Membri għandhom jaħtru korp wieħed jew aktar għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet. Għal dak il-fini, l-Istati Membri jistgħu jaħtru, pereżempju, l-korpi dwar l-ugwaljanza li huma ħatru skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
Artikolu 11
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta’ Diċembru 2024 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għat-twettiq ta’ tali referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri li issospendew l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 skont l-Artikolu 12 għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li turi li l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12 ikunu ssodisfati.
3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 12
Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6
1. Stat Membru jista’ jissospendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2), fejn, sas-27 ta’ Diċembru 2022, ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin f’dak l-Istat Membru:
(a) |
il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas 30 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur mhux eżekuttiv jew mill-inqas 25 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur fil-kumpanniji elenkati; jew |
(b) |
il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru:
|
Fejn Stat Membru jkun issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) abbażi ta’ kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(1) għandhom jitqiesu li nkisbu f’dak l-Istat Membru.
2. Għall-fini tal-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kondizzjonijiet għal sospensjoni abbażi tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b), l-għadd ta’ pożizzjonijiet ta’ direttur meħtieġ għandu jkun l-eqreb għadd għall-proporzjon ta’ 30 % ta’ diretturi mhux eżekuttivi jew 25 % tal-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur, iżda mhux aktar minn 39 %. Dak għandu jkun ukoll il-każ fejn, skont il-liġi nazzjonali, l-objettivi kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 5 jiġu applikati separatament għar-rappreżentanti tal-azzjonisti u tal-impjegati.
3. Fejn, fi Stat Membru li jkun issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jibqgħux jiġu ssodisfati, l-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) għandhom japplikaw mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tali kondizzjonijiet ma jibqgħux jiġu ssodisfati.
Artikolu 13
Rieżami
1. Sad-29 ta’ Diċembru 2025, u kull sentejn wara, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Tali rapport għandu jinkludi informazzjoni komprensiva dwar il-miżuri meħuda bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(1), informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 7 u, fejn applikabbli, informazzjoni rappreżentattiva dwar objettivi kwantitattivi individwali stabbiliti minn kumpanniji elenkati skont l-Artikolu 5(2).
2. L-Istati Membri li jkunu ssospendew l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 u, fejn rilevanti, l-Artikolu 5(2) skont l-Artikolu 12 għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu informazzjoni li turi jekk u kif il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 huma ssodisfati u jekk huma humiex qed ikomplu jagħmlu progress lejn rappreżentanza aktar bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fost il-pożizzjonijiet ta’ diretturi mhux eżekuttivi jew il-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur f’kumpanniji elenkati.
Sad-29 ta’ Diċembru 2026, u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha toħroġ rapport speċifiku li jaċċerta, fost l-oħrajn, jekk u kif il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12(1) huma ssodisfati u, kif applikabbli, jekk l-Istati Membri reġgħux bdew japplikaw l-Artikolu 6 u l-Artikolu 5(2), f’konformità mal-Artikolu 12(3).
3. Sal-31 ta’ Diċembru 2030, u kull sentejn wara, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod partikolari jekk l-objettivi ta’ din id-Direttiva nkisbux.
4. Fir-rapport tagħha msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk, fid-dawl tal-iżviluppi fir-rappreżentanza tan-nisa u tal-irġiel fil-bordijiet f’livelli differenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-ekonomija kollha u b’kont meħud ta’ jekk il-progress li sar huwiex sostenibbli biżżejjed, din id-Direttiva hijiex strument effiċjenti u effettiv biex jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bordijiet tal-kumpanniji. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis jekk hemmx bżonn li tiġi estiża d-durata ta’ din id-Direttiva lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2038 jew jekk hemmx bżonn li tiġi emendata, pereżempju billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal kumpanniji mhux elenkati li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ SMEs jew billi jiġu riveduti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) sabiex jiġi żgurat progress kontinwu lejn rappreżentanza aktar bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fost il-pożizzjonijiet ta’ diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi jew il-pożizzjonijiet kollha ta’ direttur f’kumpanniji elenkati.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ u skadenza
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2038.
Artikolu 15
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Novembru 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) ĠU C 133, 9.5.2013, p. 68.
(2) ĠU C 218, 30.7.2013, p. 33.
(3) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU C 436, 24.11.2016, p. 225) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta’ Ottubru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2022 (ĠU C 433, 15.11.2022, p. 14).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 84/635/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1984 dwar il-promozzjoni ta’ azzjoni pożittiva għan-nisa (ĠU L 331, 19.12.1984, p. 34).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta’ Diċembru 1996 dwar is-sehem bilanċjat tan-nisa u l-irġiel fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (ĠU L 319, 10.12.1996, p. 11).
(6) https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2021/05/08/the-porto-declaration/
(7) Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(8) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f’ċerti intrapriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).
(9) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke v Freie Hansestadt Bremen, C-450/93, ECLI:EU:C:1995:322; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, Marschall v Land Nordrhein-Westfalen, C-409/95, ECLI:EU:C:1997:533; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck u Oħrajn, C-158/97, ECLI:EU:C:2000:163; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson, C-407/98, ECLI:EU:C:2000:367.
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(11) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(12) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(13) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).
ANNESS
OBJETTIVI NUMERIĊI TA’ DIRETTURI TAS-SESS SOTTORAPPREŻENTAT
Għadd ta’ pożizzjonijiet fuq il-bord |
Għadd minimu ta’ diretturi mhux eżekuttivi tas-sess sottorappreżentat neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ 40 % (Artikolu 5(1), il-punt (a)) |
Għadd minimu ta’ diretturi tas-sess sottorappreżentat neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ 33 % (Artikolu 5(1), il-punt (b)) |
1 |
- |
- |
2 |
- |
- |
3 |
1 (33,3 %) |
1 (33,3 %) |
4 |
1 (25 %) |
1 (25 %) |
5 |
2 (40 %) |
2 (40 %) |
6 |
2 (33,3 %) |
2 (33,3 %) |
7 |
3 (42,9 %) |
2 (28,6 %) |
8 |
3 (37,5 %) |
3 (37,5 %) |
9 |
4 (44,4 %) |
3 (33,3 %) |
10 |
4 (40 %) |
3 (30 %) |
11 |
4 (36,4 %) |
4 (36,4 %) |
12 |
5 (41,7 %) |
4 (33,3 %) |
13 |
5 (38,4 %) |
4 (30,8 %) |
14 |
6 (42,9 %) |
5 (35,7 %) |
15 |
6 (40 %) |
5 (33,3 %) |
16 |
6 (37,5 %) |
5 (31,3 %) |
17 |
7 (41,2 %) |
6 (35,3 %) |
18 |
7 (38,9 %) |
6 (33,3 %) |
19 |
8 (42,1 %) |
6 (31,6 %) |
20 |
8 (40 %) |
7 (35 %) |
21 |
8 (38,1 %) |
7 (33,3 %) |
22 |
9 (40,1 %) |
7 (31,8 %) |
23 |
9 (39,1 %) |
8 (34,8 %) |
24 |
10 (41,7 %) |
8 (33,3 %) |
25 |
10 (40 %) |
8 (32 %) |
26 |
10 (38,5 %) |
9 (34,6 %) |
27 |
11 (40,7 %) |
9 (33,3 %) |
28 |
11 (39,3 %) |
9 (32,1 %) |
29 |
12 (41,4 %) |
10 (34,5 %) |
30 |
12 (40 %) |
10 (33,3 %) |