IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.3.2021
COM(2021) 118 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali
1.Niġbdu ħabel wieħed: trasformazzjoni diġitali għar-reżiljenza tal-Ewropa
Fi żmien sena, il-pandemija tal-COVID-19 irnexxielha tbiddel mill-qiegħ ir-rwol u l-perċezzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-soċjetajiet u fl-ekonomiji tagħna, u żiedet il-pass tagħha. It-teknoloġiji diġitali issa huma essenzjali għax-xogħol, għat-tagħlim, għad-divertiment, għas-soċjalizzazzjoni, għall-bejgħ u x-xiri, u biex jinkiseb aċċess għal kollox, mis-servizzi tas-saħħa għall-kultura. Ħarġet fid-dieher ukoll ir-rwol deċiżiv li tista’ taqdi l-innovazzjoni. Il-pandemija kixfet ukoll il-vulnerabbiltajiet tal-ispazju diġitali tagħna, id-dipendenzi tiegħu fuq teknoloġiji mhux Ewropej, u l-impatt tad-diżinformazzjoni fuq is-soċjetajiet demokratiċi tagħna.
Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, l-ambizzjoni ddikjarata tagħna saret aktar u aktar rilevanti: li nwettqu politiki diġitali li jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ futur diġitali sostenibbli, aktar prosperuż, u bil-bniedem fiċ-ċentru tiegħu. L-Ewropa trid tibni fuq il-potenzjal tagħha – suq uniku miftuħ u kompetittiv, regoli sodi li jħaddnu l-valuri Ewropej, attur assertiv f’dinja kummerċjali internazzjonali ġusta u bbażata fuq ir-regoli, bażi industrijali soda, ċittadini b’livell għoli ta’ ħiliet, u soċjetà ċivili b’saħħitha. Fl-istess ħin, l-Ewropa jeħtieġ tistħarreġ u tindirizza bir-reqqa kull dgħufija strateġika, vulnerabbiltà jew dipendenza ta’ riskju għoli li jissograw il-kisba tal-ambizzjonijiet tagħha u jeħtieġ tħaffef l-investiment assoċjat.
Dan hu l-approċċ biex l-Ewropa tkun sovrana diġitalment f’dinja interkonnessa billi tibni u tuża kapaċitajiet teknoloġiċi b’mod li jagħtu setgħa lin-nies u lin-negozji ħalli jisfruttaw il-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali, u tgħinhom jibnu soċjetà aktar b’saħħitha u ekoloġika.
Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2020, il-President von der Leyen ħabbret li l-Ewropa jenħtieġ tiżgura s-sovranità diġitali b’viżjoni komuni tal-UE fl-2030, skont objettivi u prinċipji ċari. Il-President għamlet enfasi speċjali fuq Cloud Ewropea, tmexxija f’intelliġenza artifiċjali etika, identità diġitali sigura għal kulħadd, u infrastruttura mtejba ħafna tad-data, tas-supercomputers u tal-konnettività. Bi tweġiba għal dan, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Kumpass Diġitali komprensiv sa Marzu 2021, li jistabbilixxi ambizzjonijiet diġitali għall-2030, li jwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ u li jiddeskrivi it-tappi ewlenin u l-mezzi biex jinkisbu dawn l-ambizzjonijiet.
Dan l-impetu politiku jeħtieġ intensifikazzjoni tal-ħidma li bdiet fl-aħħar għaxar snin biex titħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa – abbażi tal-progress lejn Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona bis-sħiħ, u jissaħħu l-azzjonijiet definiti fl-istrateġija biex Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa. L-istrateġija fasslet programm ta’ riforma politika, li diġà bdiet bl-Att dwar il-Governanza tad-Data, bl-Att dwar is-Servizzi Diġitali, bl-Att dwar is-Swieq Diġitali u bl-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà. Hemm bosta strumenti baġitarji tal-Unjoni li se jappoġġaw l-investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali, fosthom il-Programmi ta’ Koeżjoni, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, u l-Programm Ewropa Diġitali. Il-koleġiżlaturi qablu li mill-anqas 20 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jkunu allokati għat-tranżizzjoni diġitali u jirfdu din l-aġenda ta’ riforma, b’finanzjament biex jissawwar Deċennju Diġitali tal-Ewropa fuq pedamenti sodi.
2.Il-Viżjoni għall-2030: awtonomizzazzjoni liċ-ċittadini u lin-negozji
L-approċċ Ewropew għal ekonomija u għal soċjetà diġitalizzati hu marbut mas-solidarjetà, mal-prosperità u mas-sostenibbiltà, hu msejjes fuq l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini u tan-negozji tagħha, filwaqt li jiżgura s-sigurtà u r-reżiljenza tal-ekosistema diġitali u tal-ktajjen tal-provvista tagħha.
Waħda mit-tagħlimiet ewlenin miksuba mill-pandemija hi li d-diġitalizzazzjoni tista’ tgħaqqad lin-nies flimkien anki jekk ma jkunux fiżikament fl-istess post. Bl-infrastruttura diġitali u b’konnettività rapida, in-nies ikollhom opportunitajiet ġodda. Id-diġitalizzazzjoni tista’ ssir faċilitatur deċiżiv tad-drittijiet u tal-libertajiet, għax tippermetti lin-nies jimirħu lil hinn minn territorji, pożizzjonijiet soċjali jew gruppi komunitarji speċifiċi, u toffri possibbiltajiet ġodda biex wieħed jitgħallem, jiddeverti, jaħdem, jesplora u jissodisfa l-ambizzjonijiet tiegħu. Din se toħloq soċjetà li tiffunzjona irrispettivament mid-distanza ġeografika għax in-nies ikunu jistgħu jaħdmu, jitgħallmu, jinteraġixxu mal-amministrazzjonijiet pubbliċi, jimmaniġġjaw il-finanzi u l-pagamenti tagħhom, jużaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa, is-sistemi tat-trasport awtomatizzati, jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, jiddevertu jew jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ persuni fi kwalunkwe post fl-UE, inkluż f’żoni rurali u mbiegħda.
Iżda l-kriżi kixfet ukoll il-vulnerabbiltajiet tal-ispazju diġitali tagħna, id-dipendenza akbar tiegħu fuq teknoloġiji kritiċi, li ħafna drabi ma jkunux ibbażati fl-UE, ħarġet fid-dieher id-dipendenza fuq ftit kumpaniji kbar tat-teknoloġija, rat żieda fl-influss ta’ prodotti kontrafatti u fis-serq ċibernetiku, u amplifikat l-impatt tad-diżinformazzjoni fuq is-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Feġġ ukoll distakk diġitali ġdid, mhux biss bejn iż-żoni urbani konnessi ħafna u t-territorji rurali u mbiegħda, iżda anki bejn dawk li jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn spazju diġitali arrikkit, aċċessibbli u sigur b’firxa sħiħa ta’ servizzi, u dawk li ma jistgħux. Feġġ distakk simili bejn dawk in-negozji li diġà kapaċi jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-ambjent diġitali u dawk li għadhom mhumiex kompletament diġitalizzati. F’dan is-sens, il-pandemija tal-COVID-19 esponiet “faqar diġitali” ġdid, u għalhekk hu essenzjali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha fl-Ewropa jkunu jistgħu jisfruttaw it-trasformazzjoni diġitali għal ħajja aħjar u aktar prosperuża. Il-viżjoni Ewropea għall-2030 hi soċjetà diġitali li ma tħalli warajha lil ħadd.
Soluzzjonijiet tas-saħħa attivati b’mod diġitali
Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-potenzjal u wittiet it-triq għal użu ġeneralizzat ta’ soluzzjonijiet innovattivi tat-telemediċina, tat-telekura u tar-robotika għall-protezzjoni tal-persunal mediku u biex il-pazjenti jkunu jistgħu jingħataw il-kura mill-bogħod fi djarhom. It-teknoloġiji diġitali jistgħu jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jimmonitorjaw l-istatus tas-saħħa tagħhom, jadattaw l-istil ta’ ħajja tagħhom, jappoġġaw l-għajxien indipendenti, jipprevjenu mard mhux komunikabbli, u jipprovdu effiċjenza lill-fornituri tas-saħħa u tal-kura u lis-sistemi tas-saħħa. Flimkien ma’ ħiliet diġitali adegwati, iċ-ċittadini se jkunu qed jużaw għodod li jgħinuhom ikomplu ħajja professjonali attiva anki meta jikbru fl-età, u l-professjonisti tas-saħħa u l-persuni li jindukraw se jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa attivati b’mod diġitali biex jimmonitorjaw u jittrattaw lill-pazjenti tagħhom.
Id-diġitalizzazzjoni tipprovdi sorsi ġodda ta’ prosperità lin-nies, tippermetti lill-intraprendituri jinnovaw, jistabbilixxu u jkabbru n-negozju tagħhom kull fejn jgħixu, li jiftħu swieq u investimenti madwar l-Ewropa u madwar id-dinja, u li joħolqu impjiegi ġodda fi żmien meta aktar Ewropej qed iħossuhom mhedda fejn jidħlu s-sigurtà jew l-ambjent ekonomiku tagħhom.
It-teknoloġiji diġitali jistgħu jikkontribwixxu ferm biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali u l-użu tad-data se jgħinu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’newtralità klimatika, ċirkolari u aktar reżiljenti. Is-sostituzzjoni tal-ivvjaġġar fuq xogħol b’vidjokonferenzi tnaqqas l-emissjonijiet filwaqt li t-teknoloġiji diġitali jippermettu proċessi aktar ekoloġiċi fl-agrikoltura, fl-enerġija, fil-bini, fl-industrija jew fl-ippjanar tal-bliet u fis-servizzi, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għan propost tal-Ewropa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 u protezzjoni aħjar tal-ambjent tagħna. L-infrastrutturi u t-teknoloġiji diġitali nfushom iridu jsiru aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi. Bl-innovazzjoni u b’ekostandards ambizzjużi, in-negozji, fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom, se jkunu jistgħu jadottaw teknoloġiji diġitali b’inqas impronta ambjentali u b’aktar effiċjenza enerġetika u tal-materjali.
Soluzzjonijiet ekoloġiċi attivati b’mod diġitali – Passaport tal-Prodotti Diġitali
It-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli teħtieġ ġestjoni aktar intelliġenti tad-data relatata mal-prodott tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Ħafna minn din l-informazzjoni teżisti, iżda mhix disponibbli għal min jista’ jużaha bl-aħjar mod. It-teknoloġiji diġitali jipprovdu l-possibbiltà li d-data relatata mal-prodotti tiġi tteggjata, traċċata, lokalizzata u kondiviża tul il-ktajjen tal-valur, sal-livell tal-komponenti u l-materjali individwali. Billi jibda mill-batteriji tal-vetturi elettriċi u l-applikazzjonijiet industrijali, il-passaport Ewropew tal-prodotti diġitali (bħala parti mill-Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli) se jtejjeb l-informazzjoni disponibbli għan-negozji, jixpruna l-effiċjenza fir-riżorsi u jagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet sostenibbli.
Infrastrutturi u teknoloġiji reżiljenti, siguri u affidabbli huma indispensabbli biex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli u l-valuri Ewropej. Suq uniku b’saħħtu, kompetizzjoni ġusta, u kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u li jiffunzjona huma assi kritiċi għas-suċċess ekonomiku u għar-reżiljenza tal-UE.
Fl-istess ħin, it-teknoloġiji diġitali huma fil-biċċa l-kbira żviluppati barra mill-UE u l-konverġenza tal-Istati Membri fid-diġitalizzazzjoni għadha limitata, u b’hekk qed jixxekklu l-ekonomiji ta’ skala. L-UE se ssir sieħeb internazzjonali aktar b’saħħtu billi ssaħħaħ il-potenzjal u l-kapaċitajiet interni tagħha. Jeħtieġ iżżid l-investimenti, permezz tal-fondi rilevanti kollha tal-UE u ta’ nfiq nazzjonali, inkluż bl-ingranaġġ ta’ investimenti privati sinifikanti, biex l-UE tkun tista’ tiżviluppa teknoloġiji kritiċi b’mod li jrawwem it-tkabbir tal-produttività u l-iżvilupp ekonomiku tagħha b’koerenza sħiħa mal-valuri u mal-objettivi soċjetali tagħha.
3.
Erba’ punti fundamentali għal immappjar tal-perkors tal-UE
Il-Kummissjoni tipproponi li jitwaqqaf Kumpass Diġitali biex issarraf l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 f’miri konkreti u biex tiżgura li jintlaħqu dawn l-objettivi. Il-Kumpass se jkun ibbażat fuq sistema ta’ monitoraġġ imtejba li ssegwi l-perkors tal-UE rigward il-pass ta’ trasformazzjoni diġitali, il-lakuni fil-kapaċitajiet diġitali strateġiċi Ewropej, u l-implimentazzjoni tal-prinċipji diġitali. Dan se jinkludi l-mezzi biex titwettaq il-viżjoni u biex jiġu stabbiliti tappi ewlenin tul l-erba’ punti fundamentali. L-ewwel tnejn huma ffokati fuq il-kapaċitajiet diġitali fl-infrastrutturi u fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet, u t-tnejn l-oħra huma ffokati fuq it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u fuq is-servizzi pubbliċi.
3.1.
Popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti b’livell għoli ta’ kwalifiki diġitali
Fid-dinja ta’ għada, jekk irridu nkunu l-mexxejja tad-destin tagħna stess, kunfidenti fil-mezzi, fil-valuri u fl-għażliet tagħna, irridu niddependu fuq ċittadini li għandhom is-setgħa u l-kapaċitajiet diġitali, fuq forza tax-xogħol b’ħiliet diġitali u fuq ferm aktar esperti diġitali mil-lum. Dan jenħtieġ jitrawwem bl-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u b’politika effettiva li tippromwovi rabtiet u tattira talent minn madwar id-dinja kollha.
Il-ħiliet diġitali huma essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tagħna bħala soċjetà. Il-ħiliet diġitali bażiċi għaċ-ċittadini kollha u l-opportunità li jinkisbu ħiliet diġitali speċjalizzati ġodda għall-forza tax-xogħol huma prerekwiżit biex wieħed jieħu sehem b’mod attiv fid-Deċennju Diġitali, kif spjegat fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipproġetta l-mira ta’ 80 % għall-adulti li mill-inqas ikollhom ħiliet diġitali bażiċi sal-2030. Biex iċ-ċittadini Ewropej kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ġid li toħloq soċjetà diġitali inklużiva, kif propost fil-kapitolu dwar il-prinċipji diġitali (it-Taqsima 4), l-aċċess għal edukazzjoni li tippermetti l-kisba ta’ ħiliet diġitali bażiċi jenħtieġ ikun dritt għaċ-ċittadini kollha tal-UE, filwaqt li t-tagħlim tul il-ħajja jenħtieġ isir realtà.
Il-ħiliet diġitali mifruxa jenħtieġ ukoll jibnu soċjetà li tista’ tafda l-prodotti diġitali u s-servizzi online, li tidentifika d-diżinformazzjoni u t-tentattivi ta’ frodi, li tħares lilha nnifisha mill-attakki ċibernetiċi, minn scams u minn frodi online, u li toffri l-opportunità biex it-tfal jitgħallmu jgħarblu u jesploraw il-massa kbira ta’ informazzjoni li jsibu online.
Il-ħiliet diġitali avvanzati jeħtieġu iżjed minn ħakma tal-ikkowdjar jew bażi fix-xjenza tal-kompjuters. It-taħriġ u l-edukazzjoni diġitali jenħtieġ jappoġġaw forza tax-xogħol li toffri l-opportunità biex in-nies jiksbu ħiliet diġitali speċjalizzati ħalli jkollhom impjiegi ta’ kwalità u karrieri ta’ sodisfazzjon. Mill-2019 ’l hawn, kellna 7,8 miljun speċjalist fl-ICT b’rata ta’ tkabbir annwali preċedenti ta’ 4,2 %. Jekk din ix-xejra tissokta, l-UE se tkun ferm ’il bogħod mill-ħtieġa prevista ta’ 20 miljun espert, fost l-oħrajn, f’oqsma ewlenin bħaċ-ċibersigurtà jew l-analiżi tad-data. Aktar minn 70 % tan-negozji jqisu l-iskarsezzi tal-persunal b’ħiliet diġitali adegwati bħala xkiel għall-investiment. Hemm ukoll żbilanċ serju bejn il-ġeneri, għax waħda biss minn kull sitt speċjalisti fl-ICT u waħda biss minn kull tliet gradwati fl-iSTEM huma nisa
. Dan ikompli jiggrava bin-nuqqas ta’ kapaċità mil-lat ta’ programmi edukattivi u ta’ taħriġ speċjalizzati f’oqsma bħall-Intelliġenza Artifiċjali, il-kwantum, u ċ-ċibersigurtà, u bin-nuqqas ta’ integrazzjoni biżżejjed tas-suġġetti diġitali u tal-għodod edukattivi tal-multimedia fid-dixxiplini l-oħra. Din l-isfida tista’ tingħeleb b’investiment massiv fit-taħriġ tal-ħaddiema tal-ġenerazzjonijiet futuri, u fit-titjib tal-ħiliet u fil-ħiliet ġodda tal-forza tax-xogħol.
Minbarra l-azzjonijiet fl-Ewropa jenħtieġ jingħata appoġġ biex jissaħħaħ il-litteriżmu diġitali madwar id-dinja, ħalli jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU. Il-programm Erasmus+ se jiftaħ ukoll opportunitajiet għall-inġiniera u l-ispeċjalisti diġitali ta’ pajjiżi terzi, u jżid b’mod ġenerali l-ambjenti tat-tagħlim diġitali. Fl-Afrika, il-koalizzjonijiet nazzjonali tal-ħiliet diġitali u tal-impjiegi jistgħu jiżviluppaw kurrikuli komuni dwar il-ħiliet diġitali u jappoġġaw lill-gvernijiet b’għarfien espert u bi proġetti li jwasslu lill-iskejjel u lill-istituzzjonijiet edukattivi fl-era diġitali. Bl-istess mod, il-ħiliet u l-litteriżmu diġitali qed isiru element ċentrali fil-bini tal-kapaċitajiet diġitali, fir-relazzjonijiet tagħna mar-reġjun tal-Amerika Latina u tal-Karibew.
Fl-2030, il-kompetizzjoni dinjija għat-talent se tkun ħarxa għax l-għarfien espert se jibqa’ skars u jkun fattur kritiku tal-innovazzjoni, tat-tkabbir fil-produttività u tal-prosperità għall-pajjiżi kollha. It-trawwim tal-attraenza tal-UE u l-iskemi ta’ appoġġ għat-talent diġitali se jaqdu rwol ewlieni fit-trasformazzjoni diġitali tal-UE.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:
-
Minbarra l-mira dwar il-ħiliet diġitali bażiċi stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-UE timpjega 20 miljun speċjalist fl-ICT b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel.
3.2.
Infrastrutturi diġitali sostenibbli, siguri u effettivi
L-Ewropa jirnexxilha biss tikseb it-tmexxija diġitali, jekk din tibnieha fuq infrastruttura diġitali sostenibbli fejn jidħlu l-konnettività, il-mikroelettronika u l-abbiltà li tipproċessa ammont vast ta’ data, għax dawn iservu ta’ faċilitaturi għal żviluppi teknoloġiċi oħrajn u jappoġġaw il-vantaġġ kompetittiv tal-industrija tagħna. Jeħtieġ isiru investimenti sinifikanti f’dawn l-oqsma kollha, u dawn jeħtieġu l-koordinazzjoni biex tinkiseb skala Ewropea.
Konnettività eċċellenti u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-Ewropa hi prerekwiżit biex is-soċjetà tinfetaħ għal parteċipazzjoni sħiħa tan-negozji u taċ-ċittadini kollha. Il-kisba tal-konnettività tal-Gigabits sal-2030 hi essenzjali. Għalkemm din l-ambizzjoni tista’ tintlaħaq bi kwalunkwe taħlita ta’ teknoloġiji, l-enfasi jenħtieġ tkun fuq l-aktar konnettività fissa, mobbli u satellitari tal-ġenerazzjoni li jmiss sostenibbli, bl-iskjerament ta’ Networks b’Kapaċità Għolja Ħafna fosthom il-5G, abbażi ta’ allokazzjoni rapida u effiċjenti tal-ispettru u r-rispett tas-sett ta’ għodod taċ-ċibersigurtà tal-5G, u bi pjan għal żvilupp tas-6G fis-snin li ġejjin
.
Matul l-għaxar snin li ġejjin, l-unitajiet domestiċi se jżidu l-adozzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji tan-network u dan jixhed il-ħtiġijiet dejjem akbar għal konnettività b’kapaċità għolja ħafna. Sa tmiem dan id-deċennju, ċerti karatteristiċi u kapaċitajiet ġodda tal-komunikazzjoni diġitali bħall-midja olografika ta’ preċiżjoni kbira u s-sensi diġitali bin-networks, mistennija jipprovdu perspettiva għalkollox ġdida għal soċjetà attivata diġitalment li teżiġi konnettività tal-Gigabits. Ferm qabel jintemm id-deċennju, in-negozji se jkunu jeħtieġu konnessjonijiet tal-Gigabits u infrastrutturi tad-data ddedikati għall-cloud computing u għall-ipproċessar tad-data, bl-istess mod kif l-iskejjel u l-isptarijiet se jkunu jeħtieġu dan għall-edukazzjoni elettronika u għas-saħħa elettronika. Il-computing ta’ prestazzjoni għolja (HPC) jeħtieġ konnessjonijiet tat-Terabits biex ikun jista’ jsir ipproċessar tad-data f’ħin reali.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:
L-unitajiet domestiċi Ewropej kollha jkunu koperti b’network tal-Gigabits, biż-żoni kollha popolati koperti bil-5G.
It-tmexxija diġitali u l-kompetittività dinjija tal-Ewropa jiddependu fuq konnettività interna u esterna b’saħħitha u jenħtieġ jinfurmaw ukoll l-involviment internazzjonali tagħna, b’mod partikolari fiż-żoni tal-ħin Ewropej, filwaqt li jqisu l-ħolqien ta’ gateways tad-data fil-periferija tal-UE. L-UE għandha programm komprensiv ta’ involviment, inkluż l-iskjerament tal-broadband mas-sħab fil-Balkani tal-Punent u fis-Sħubija tal-Lvant. L-Ewropa se tkun ikkollegata mas-sħab tagħha fil-Viċinat u fl-Afrika, inkluż b’kejbils terrestri u sottomarini u b’kostellazzjoni sigura ta’ satelliti. Barra minn hekk, l-UE se żżid l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja permezz ta’ Sħubijiet ta’ Konnettività ġodda mal-Indja u mal-ASEAN. Is-Sħubija Diġitali mal-Amerka Latina u mal-Karibew se tikkumplimenta t-tnedija tal-komponent tal-konnettività tal-Alleanza Diġitali mal-Amerka Latina u mal-Karibew, abbażi tal-BELLA Cable.
Jekk il-konnessjoni tkun prekundizzjoni għat-trasformazzjoni diġitali, il-mikroproċessuri huma l-bidu ta’ ħafna mill-ktajjen ta’ valur strateġiċi ewlenin, bħall-karozzi konnessi, it-telefowns, l-Internet tal-Oġġetti, il-kompjuters ta’ prestazzjoni għolja, l-edge computers u l-Intelliġenza Artifiċjali. Filwaqt li l-Ewropa tfassal u timmanifattura ċ-ċipep ta’ livell għoli, hemm distakki importanti, l-aktar fit-teknoloġiji tal-manifattura mill-aktar avvanzati u fid-disinn taċ-ċipep, u dan jesponi lill-Ewropa għal għadd ta’ vulnerabbiltajiet.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:
Il-produzzjoni ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Ewropa, inkluż il-proċessuri, tkun mill-inqas 20 % tal-produzzjoni dinjija bħala valur (jiġifieri kapaċitajiet tal-manifattura inqas min-nodi tal-5nm, li jimmiraw għal 2nm, u 10 darbiet aktar effiċjenti fl-enerġija mil-lum).
Infrastrutturi diġitali li jaqdu liċ-ċittadini, lill-SMEs, lis-settur pubbliku u lill-kumpaniji l-kbar teħtieġ computing ta’ prestazzjoni għolja u infrastrutturi komprensivi tad-data. Illum, id-data ġġenerata fl-Ewropa, ħafna drabi tinħażen u tiġi pproċessata barra mill-Ewropa, u l-valur tagħha jiġi estratt ukoll barra mill-Ewropa. Filwaqt li n-negozji li jiġġeneraw u jużaw id-data jenħtieġ iżommu għażla libera f’dan ir-rigward, dan jista’ joħloq riskji mil-lat ta’ ċibersigurtà, vulnerabbiltajiet tal-provvista, possibbiltajiet ta’ qlib, u aċċess illeċitu għad-data minn pajjiżi terzi. Il-fornituri tal-cloud ibbażati fl-UE għandhom biss sehem żgħir mis-suq tal-cloud, u dan iħalli lill-UE esposta għal dawk ir-riskji u jillimita l-potenzjal ta’ investiment għall-industrija diġitali Ewropea fis-suq tal-ipproċessar tad-data. Barra minn hekk, minħabba l-impatt taċ-ċentri tad-data u tal-infrastrutturi tal-cloud fuq il-konsum tal-enerġija, l-UE jenħtieġ tkun pijunier f’dawn l-infrastrutturi b’newtralità klimatika u effiċjenti fl-enerġija sal-2030, filwaqt li tuża l-enerġija żejda tagħhom biex tgħin fit-tisħin tad-djar, tan-negozji u tal-ispazji pubbliċi. Bħala parti mill-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) mtejjeb, il-Kummissjoni se tintroduċi mekkaniżmi biex tkejjel l-effiċjenza enerġetika taċ-ċentri tad-data u tan-networks tal-komunikazzjoni elettronika użati mill-kumpaniji Ewropej.
Kif tenfasizza l-istrateġija Ewropea tad-data, il-volum tad-data ġġenerata qed jiżdied ħafna u proporzjon dejjem akbar tad-data hu mistenni jiġi pproċessat fl-edge, eqreb tal-utenti u jkun fejn tiġi ġġenerata d-data. Din il-bidla teħtieġ l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji fundamentalment ġodda tal-ipproċessar tad-data, li jinkludu l-edge u li jmorru lil hinn mill-mudelli ta’ infrastruttura ċentralizzata bbażata fuq il-cloud. Biex tindirizza dawn ix-xejriet lejn żieda fid-distribuzzjoni u fid-deċentralizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar tad-data, u biex ixxejjen id-distakk tal-provvista tal-cloud xierqa li tissodisfa l-ħtiġijiet tan-negozji Ewropej u tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, l-Ewropa jeħtieġ issaħħaħ l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tal-cloud tagħha stess.
Edge computing intelliġenti – applikazzjonijiet
-Għal monitoraġġ ta’ intersezzjonijiet perikolużi għall-vetturi awtonomi biex dawn ikunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr perikli.
-Fl-hekk imsejħa “biedja intelliġenti”, bl-iskjerament ta’ kapaċità edge konnessa mal-makkinarju fl-azjendi agrikoli tkun tista’ tinġabar data agrikola f’ħin reali, jingħataw servizzi avvanzati lill-bdiewa bħat-tbassir tal-ħsad jew il-ġestjoni tal-azjendi agrikoli, u jiġu ottimizzati l-ktajjen tal-provvista tal-ikel.
-Fil-manifattura bħala servizz, il-kumpaniji tal-manifattura – l-aktar l-SMEs – ikun jista’ jkollhom aċċess lokali għal pjattaformi ta’ servizzi industrijali innovattivi bbażati fuq il-cloud, u għal swieq li jżidu l-viżibbiltà tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħhom.
-Data dwar is-saħħa u rekords tas-saħħa: ikunu jistgħu jsiru ġbir u aggregazzjoni tad-data dwar is-saħħa fil-livell lokali ferm aktar malajr (eż. fil-kuntest tal-pandemija).
-B’modernizzazzjoni tas-settur pubbliku, l-iskjerament tal-edge jipprovdi kapaċità tal-ipproċessar tad-data lill-amministrazzjoni pubblika lokali.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:
-Fl-UE jinfirxu 10,000 nodu tal-edge sigur ħafna b’newtralità klimatika u b’mod li jiżgura aċċess għal servizzi tad-data b’latenza baxxa (fi ftit millisekondi) kull fejn ikunu jinsabu n-negozji.
Fil-fatt, l-ekosistemi tal-cloud u tal-edge ma jipprovdux il-benefiċċji kollha tagħhom lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej jekk ma tkunx disponibbli kapaċità tal-computing tal-aqwa livell. F’dan ir-rigward, se titħaffef il-kooperazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropea diġà stabbilita, biex tiġi skjerata infrastruttura tad-data tas-supercomputing u tal-computing kwantistiku federata fost l-aqwa fid-dinja.
Fl-istess ħin, l-UE trid tinvesti f’teknoloġiji kwantistiċi ġodda. L-UE jenħtieġ tkun fost l-aqwa fid-dinja fejn jidħol l-iżvilupp tal-kompjuters kwantistiċi li jkunu programmabbli u aċċessibbli għalkollox minn kullimkien fl-Ewropa, li jkunu effiċjenti ħafna fl-enerġija u li jkunu kapaċi jsolvu fi ftit sigħat dak li bħalissa jissolva f’mijiet ta’ ġranet, jekk mhux fi snin.
Ir-rivoluzzjoni tal-kwantum fl-għaxar snin li ġejjin se tkun bidla kbira fl-introduzzjoni u fl-użu tat-teknoloġiji diġitali. Fost l-eżempji tal-applikazzjonijiet possibbli hemm:
-
Is-saħħa: Bil-kompjuters kwantistiċi jsir żvilupp aktar mgħaġġel u effiċjenti tal-mediċini, bħal pereżempju s-simulazzjoni tal-ġisem tal-bniedem (“it-tewmi diġitali”) biex isiru provi virtwali tal-mediċini, jiġu żviluppati trattamenti personalizzati għall-kanċer; isir sekwenzar ġenomiku ferm aktar mgħaġġel, u oħrajn.
-
Żieda fis-sigurtà tal-komunikazzjoni u t-trasferimenti tad-data: Is-sistemi siguri kwantistiċi tal-komunikazzjoni jistgħu jipproteġu l-komunikazzjonijiet sensittivi, is-sistemi tal-votazzjoni online u t-tranżazzjonijiet finanzjarji, jiżguraw il-ħżin fit-tul ta’ data sensittiva relatata mas-saħħa u mas-sigurtà nazzjonali, u jipproteġu l-infrastruttura kritika tal-komunikazzjoni.
-
Monitoraġġ aħjar tar-riżorsi: Is-sensuri tal-gravità kwantistiċi bbażati fid-dinja jew installati f’satelliti fl-ispazju se jkejlu l-kampijiet gravitazzjonali u b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati ostakli, ċedimenti tal-art u riżorsi tal-ilma taħt l-art u li jiġu mmonitorjati l-fenomeni naturali bħall-attività volkanika.
-
In-negozji/l-ambjent: Il-kompjuters kwantistiċi se jottimizzaw l-użu tal-algoritmi li jsolvu problemi kumplessi ħafna ta’ loġistika u skedar, u dawn jiffrankaw il-ħin u l-fjuwil, jew isibu l-orħos kombinament ta’ sorsi rinnovabbli għall-forniment ta’ grilja enerġetika.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2025:
L-Ewropa jkollha l-ewwel kompjuter b’aċċellerazzjoni kwantistika li jwitti t-triq biex l-Ewropa tkun mill-aktar avvanzata fil-kapaċitajiet kwantistiċi sal-2030.
3.3.
Trasformazzjoni diġitali tan-negozji
Tul il-pandemija tal-COVID-19, bosta negozji bdew jużaw ċertu teknoloġiji diġitali. Sal-2030, aktar minn sempliċi faċilitaturi, it-teknoloġiji diġitali inkluż il-5G, l-Internet tal-Oġġetti, l-edge computing, l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika u r-realtà awmentata se jkunu fil-qalba tal-prodotti ġodda, tal-proċessi ġodda tal-manifattura u tal-mudelli kummerċjali ġodda, abbażi ta’ kondiviżjoni ġusta tad-data fl-ekonomija tad-data. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni mingħajr dewmien tal-proposti tal-Kummissjoni għas-Suq Uniku Diġitali u l-istrateġiji biex Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa se jsaħħu t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u se jiżguraw ekonomija diġitali ġusta u kompetittiva. Dan jeħtieġ jitqabbel b’ekwità ma’ barra mill-Unjoni.
It-trasformazzjoni tan-negozji se tiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li jadottaw teknoloġiji diġitali ġodda malajr u b’mod estensiv, inkluż fl-ekosistemi industrijali u tas-servizzi li għadhom lura. L-appoġġ tal-UE, b’mod partikolari permezz tas-Suq Uniku, l-Ewropa Diġitali u l-programmi ta’ Koeżjoni, se jippromwovi l-iskjerament u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali, fosthom spazji tad-data industrijali, qawwa komputazzjonali, standards miftuħa, u faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni.
In-negozji jenħtieġ jitħeġġu jadottaw teknoloġiji u prodotti diġitali b’inqas impronta ambjentali u b’aktar effiċjenza enerġetika u tal-materjali. It-teknoloġiji diġitali jridu jiġu skjerati malajr ħalli jsir użu aktar intensiv u effiċjenti tar-riżorsi. B’hekk, it-tisħiħ tal-produttività materjali tal-Ewropa se jnaqqas il-kostijiet tal-input tal-manifattura u anki l-vulnerabbiltà tagħna għal xokkijiet fil-provvista.
Il-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali għal ħames ekosistemi ewlenin
-Il-manifattura: bis-saħħa tal-konnettività tal-5G, l-apparati fil-fabbriki se jkunu ferm aktar konnessi u jiġbru d-data industrijali. L-Intelliġenza Artifiċjali se tagħti struzzjonijiet lir-robots f’ħin reali u b’hekk dawn se jkunu dejjem aktar kollaborattivi, u jtejbu l-impjiegi, is-sikurezza, il-produttività u l-benesseri tal-ħaddiema. Il-manifatturi se jkunu jistgħu jtejbu l-manutenzjoni mbassra u jipproduċu skont id-domanda u skont il-ħtiġijiet tal-konsumaturi, mingħajr ħażniet, bis-saħħa tat-tewmin diġitali, materjali ġodda u l-istampar 3D.
-Is-saħħa: aktar interazzjoni online, b’servizzi “mingħajr karti”, bi trażmissjoni elettronika u b’aċċess għal data minflok għal reġistrazzjonijiet stampati, u l-awtomatizzazzjoni jistgħu joħolqu benefiċċji sa EUR 120 biljun fis-sena fl-Ewropa.
-Il-kostruzzjoni: bl-inqas żvilupp fil-produttività minn fost is-setturi ewlenin kollha fl-aħħar 20 sena. 70 % tal-eżekuttivi tal-kostruzzjoni semmew it-teknoloġiji ġodda tal-produzzjoni u d-diġitalizzazzjoni bħala l-fatturi tal-bidla fis-settur.
-L-agrikoltura: Bit-teknoloġiji tal-biedja diġitali, is-settur agrikolu jkun jista’ jipproduċi b’mod aktar effiċjenti u skont il-ħtieġa, u b’hekk jissaħħu l-prestazzjoni fis-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur. L-agrikoltura ssemmiet fost is-setturi ewlenin partikolari li, permezz tas-soluzzjonijiet diġitali, jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet dinjin tal-gassijiet serra u l-użu tal-pestiċidi.
-Il-mobbiltà: is-soluzzjonijiet diġitali għal mobilità konnessa u awtomatizzata għandhom potenzjal kbir li jnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku, itejbu l-kwalità tal-ħajja, u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport, fosthom fir-rigward tal-impronta ambjentali tagħhom.
Jenħtieġ tingħata attenzjoni speċifika lill-aktar innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela. L-Ewropa diġà qed tikkrea negozji ġodda daqs l-Istati Uniti, iżda jeħtieġ toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli u Suq Uniku li jiffunzjona tassew għal tkabbir u espansjoni rapidi. L-Ewropa għandha bosta għodod għad-dispożizzjoni tagħha, iżda d-distakk fl-investiment għal finanzjament tat-tkabbir ta’ negozji ġodda bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa u anki bejn l-UE u ċ-Ċina għadhom konsiderevoli. L-UE diġà ħolqot għadd ta’ “unicorns” iżda hemm lok għal titjib. L-iżvilupp ta’ Standard ta’ Eċċellenza tan-Nazzjonijiet għan-Negozji l-Ġodda jista’ jgħin biex jiġi ffaċilitat it-tkabbir transfruntier, inkluż iż-żieda fl-aċċess għal finanzjament lin-negozji li qed jespandu.
L-SMEs jaqdu rwol ċentrali f’din it-tranżizzjoni, mhux biss għax jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-UE iżda anki għax huma sors kritiku ta’ innovazzjoni. Bl-appoġġ lil aktar minn 200 Ċentru tal-Innovazzjoni Diġitali u raggruppament industrijali, sal-2030, l-SMEs ikollhom l-opportunità jaċċessaw faċilment it-teknoloġiji diġitali jew d-data, u skont termini ġusti, permezz ta’ regolamentazzjoni xierqa, u jibbenefikaw minn appoġġ adegwat biex jiddiġitalizzaw. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li aktar minn 200 Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni Diġitali u raggruppament industrijali madwar l-UE jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs innovattivi u anki tal-SMEs mhux diġitali, u li jikkollegaw lill-fornituri diġitali mal-ekosistemi lokali. L-objettiv hu li jinkiseb livell għoli ta’ intensità diġitali, u li ma jitħalla ħadd barra. Il-Kummissjoni se taġġorna l-Istrateġija Industrijali tagħha, anki bil-għan li tħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-ekosistemi industrijali b’appoġġ għall-miri tal-2030.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:
-
75 % tal-intrapriżi Ewropej ħadu servizzi tal-cloud computing, tal-Big Data u tal-Intelliġenza Artifiċjali;
-
Aktar minn 90 % tal-SMEs Ewropej jilħqu mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali;
-
L-Ewropa żżid il-firxa tan-negozji innovattivi tagħha li qed jespandu u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, biex jirdoppja l-għadd ta’ unicorns fl-Ewropa.
3.4.
Diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi
Sal-2030, l-objettiv tal-UE hu li tiżgura li l-ħajja demokratika u s-servizzi pubbliċi online jkunu aċċessibbli għalkollox għal kulħadd, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà, u jinkiseb ambjent diġitali tal-aqwa kwalità li jipprovdi servizzi u għodod faċli biex jintużaw, effiċjenti u personalizzati bi standards għoljin ta’ sigurtà u privatezza. Votazzjoni elettronika sigura tħeġġeġ aktar parteċipazzjoni pubblika fil-ħajja demokratika. B’servizzi faċli għall-utenti, iċ-ċittadini ta’ kull età u n-negozji ta’ kull daqs ikunu jistgħu jinfluwenzaw id-direzzjoni u l-eżiti tal-attivitajiet governattivi b’aktar effiċjenza u jtejbu s-servizzi pubbliċi. Il-gvern bħala pjattaforma, bħala mod ġdid kif jingħataw is-servizzi pubbliċi diġitali, jipprovdi aċċess ħolistiku u faċli għas-servizzi pubbliċi b’interazzjoni bla xkiel ta’ kapaċitajiet avvanzati, bħall-ipproċessar tad-data, l-IA u r-realtà virtwali. Dan jikkontribwixxi wkoll biex jiżdied il-gwadann fil-produttività tan-negozji Ewropej, bis-saħħa ta’ servizzi aktar effiċjenti li jkunu diġitali b’mod awtomatiku u jservi wkoll ta’ mudell li jinċentiva lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs, favur aktar diġitalizzazzjoni.
Iżda d-distakk biex titwettaq din il-viżjoni għadu sinifikanti. Minkejja li żdied l-użu tas-servizzi pubbliċi online, is-servizzi diġitali pprovduti ħafna darbi jkunu bażiċi eż. il-mili tal-formoli. L-Ewropa trid tisfrutta d-diġitalizzazzjoni biex tixpruna bidla fundamentali fil-mod kif iċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet demokratiċi jinteraġixxu flimkien, filwaqt li tiżgura l-interoperabbiltà fil-livelli kollha tal-gvern u fis-servizzi pubbliċi.
It-telemediċina
Tul il-pandemija, il-konsultazzjonijiet tat-telemediċina żdiedu f’xahar aktar milli żdiedu f’għaxar snin, u għaldaqstant dan għen biex jonqsu l-kjuwijiet fl-isptarijiet u l-pazjenti jibqgħu f’saħħithom. Il-possibbiltà li ċ-ċittadini Ewropej jaċċessaw ir-rekords elettroniċi tas-saħħa (EHR) tagħhom madwar l-UE u li jikkontrollaw l-aċċess għalihom jenħtieġ tittejjeb ħafna sal-2030, abbażi ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa, interoperabbiltà, l-iżvilupp tal-infrastruttura sigura, u bit-teħid ta’ azzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni pubblika tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar is-saħħa mal-komunità medika.
L-identità diġitali Ewropea: il-gvern fil-pala ta’ idejk
Jenħtieġ li sal-2030, il-qafas tal-UE jirnexxilu jwettaq skjerament wiesa’ ta’ identità affidabbli u kkontrollata mill-utent ħalli kull ċittadin ikun jista’ jikkontrolla l-interazzjonijiet u l-preżenza online tiegħu stess. L-utenti jkunu jistgħu jużaw bis-sħiħ is-servizzi online faċilment u madwar l-UE filwaqt li jħarsu l-privatezza tagħhom.
Xi komunitajiet tal-UE qed jiżviluppaw ukoll pjattaformi tad-data intelliġenti li jintegraw id-data f’setturi u fi bliet differenti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħhom. Fi żmienna, ħafna mis-servizzi diġitali offruti fuq dawn il-pjattaformi huma limitati għal servizzi bażiċi, bħall-parkeġġ intelliġenti, it-tidwil intelliġenti jew it-telematika tat-trasport pubbliku. Id-diġitalizzazzjoni taqdi rwol ewlieni wkoll fl-iżvilupp tal-hekk imsejħa “irħula intelliġenti”, jiġifieri komunitajiet f’żoni rurali li jużaw soluzzjonijiet innovattivi biex itejbu r-reżiljenza tagħhom abbażi tal-potenzjal u tal-opportunitajiet lokali.
Il-pjattaformi fil-komunitajiet rurali u urbani se jitħaddmu b’teknoloġiji diġitali u joffru servizzi bħal sistemi tat-trasport intelliġenti multimodali, assistenza ta’ emerġenza f’każ ta’ inċidenti, soluzzjonijiet aktar immirati għall-immaniġġjar tal-iskart, il-ġestjoni tat-traffiku, l-ippjanar urban, l-enerġija intelliġenti u soluzzjonijiet tat-tidwil, l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi, u oħrajn. L-użu tal-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku jista’ jagħti spinta lid-domanda għal trasformazzjoni diġitali ekoloġika.
It-trasformazzjoni diġitali jenħtieġ tippermetti wkoll sistemi ġudizzjarji moderni u effiċjenti, infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi u aktar effettività tal-azzjoni pubblika, inkluż tal-infurzar tal-liġi u tal-kapaċitajiet tal-investigazzjoni – dak li hu illegali offline hu illegali wkoll online, u l-infurzar tal-liġi jrid ikun attrezzat bl-aqwa mod biex jittratta reati kriminali diġitali aktar u aktar sofistikati.
Il-livell ta’ ambizzjoni propost tagħna hu li sal-2030:
·Forniment online tas-servizzi pubbliċi ewlenin kollha disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;
·Iċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess għar-rekords mediċi (rekords elettroniċi);
·80 % taċ-ċittadini se jużaw soluzzjoni tal-ID diġitali.
4.
Ċittadinanza Diġitali
L-użu ta’ infrastrutturi, ħiliet u kapaċitajiet diġitali u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji u tas-servizzi pubbliċi waħedhom mhux biżżejjed biex jiġi definit l-approċċ tal-UE għall-futur diġitali tagħha; dan hu meħtieġ ukoll biex iċ-ċittadini Ewropej kollha jkunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet u t-teknoloġiji diġitali. Fl-ispazju diġitali, jeħtieġ niżguraw li d-drittijiet li japplikaw offline ikunu jistgħu jiġu eżerċitati bis-sħiħ online.
Għal awtonomizzazzjoni sħiħa, in-nies qabelxejn jenħtieġ ikollhom aċċess għal konnettività affordabbli, sigura u ta’ kwalità għolja, ikunu jistgħu jiksbu ħiliet diġitali bażiċi – li jenħtieġ isiru dritt għal kulħadd – u jkollhom mezzi oħra li flimkien jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet ekonomiċi u soċjetali tal-lum u tal-ġejjieni. Jeħtieġ ukoll ikollhom aċċess faċli għas-servizzi pubbliċi diġitali, abbażi ta’ identità diġitali universali, u aċċess għas-servizzi tas-saħħa diġitali. In-nies jenħtieġ ikollhom aċċess nondiskriminatorju għas-servizzi online u tħaddim fil-prattika ta’ ċerti prinċipji, bħal spazji diġitali siguri u fdati, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f’ambjent tax-xogħol remot, il-protezzjoni tal-minorenni, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiku etiku.
Barra minn hekk, it-teknoloġiji u s-servizzi diġitali li jużaw in-nies iridu jkunu konformi mal-qafas ġuridiku applikabbli u jirrispettaw id-drittijiet u l-valuri li huma parti intrinsika mill-“mod Ewropew”. Barra minn hekk, l-ambjent diġitali sigur u miftuħ, u bil-bniedem fiċ-ċentru tiegħu, jenħtieġ jikkonforma mal-liġi iżda jippermetti wkoll li n-nies jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, bħad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-konsumaturi.
Il-prinċipji diġitali huma minquxa fil-liġi primarja tal-UE, b’mod partikolari fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-ġuriżprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni sekondarja.
Dan l-approċċ Ewropew għas-soċjetà diġitali jenħtieġ jirfed u jappoġġa wkoll inizjattivi ta’ demokrazija miftuħa billi jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ politika inklużiva, jippermetti l-involviment wiesa’ tan-nies u jistimula azzjoni fil-livell taċ-ċittadini biex jitwettqu inizjattivi lokali li jservu ta’ mutur għal titjib fl-aċċettazzjoni soċjali u fl-appoġġ pubbliku għal deċiżjonijiet demokratiċi.
Dan l-approċċ Ewropew għas-soċjetà diġitali hu bbażat ukoll fuq l-iżgurar tar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-UE:
·Il-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għal informazzjoni diversa, affidabbli u trasparenti;
·Il-libertà li jiġi stabbilit u jitwettaq negozju online;
·Il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, u d-dritt ta’ tnessija;
·Il-protezzjoni tal-ħolqien intellettwali tal-individwi fl-ispazju online.
Hu daqstant ieħor importanti li jiġi stabbilit sett komprensiv ta’ prinċipji diġitali li jippermettu l-għarfien lill-utenti u li jservu ta’ gwida għal dawk li jfasslu l-politika u għall-operaturi diġitali fosthom:
·Aċċess universali għal servizzi tal-internet;
·Ambjent online sigur u affidabbli;
·Edukazzjoni u ħiliet diġitali universali għan-nies biex jieħdu sehem attiv fis-soċjetà u fil-proċessi demokratiċi;
·Aċċess għal sistemi u apparati diġitali li jirrispettaw l-ambjent;
·Amministrazzjoni u servizzi pubbliċi diġitali li jkunu aċċessibbli u bil-bniedem fiċ-ċentru tagħhom;
·Prinċipji etiċi għal algoritmi bil-bniedem fiċ-ċentru tagħhom;
·Protezzjoni u awtonomizzazzjoni tat-tfal fl-ispazju online;
·Aċċess għal servizzi tas-saħħa diġitali.
Il-Kummissjoni se tipproponi li tinkludi sett ta’ prinċipji u drittijiet diġitali bħal dan f’dikjarazzjoni solenni interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni Ewropea, u li tibni fuq l-esperjenza tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tikkumplimentaha.
Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq eżerċizzju annwali tal-Ewrobarometru ddedikat b’mod speċifiku għall-monitoraġġ tal-perċezzjoni tal-Ewropej fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet u tal-valuri tagħhom, u sa liema punt iħossu li d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà tagħna qed isservihom.
5.
Kumpass biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi tal-2030
Biex titwettaq l-ambizzjoni mġedda tal-UE għad-diġitalizzazzjoni, hemm bżonn qafas sod. Dan jenħtieġ jinkludi l-viżjoni tagħna msejsa fuq l-erba’ punti fundamentali, il-prinċipji diġitali u l-indirizzar tal-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi.
Kumpass Diġitali
Struttura ta’ governanza b’rapportar u b’segwitu annwali
|
Il-kisba tal-objettivi konkreti fl-erba’ punti fundamentali
|
It-tiswir u t-tnedija ta’ proġetti multinazzjonali
|
Monitoraġġ tal-Prinċipji Diġitali
|
Segwiti b’KPIs kwantitattivi, b’rapportar dwar l-azzjonijiet imwettqa u b’rakkomandazzjonijiet
|
Il-monitoraġġ tal-infrastruttura u tal-lakuni tal-kapaċitajiet kritiċi. Il-ħolqien ta’ kunsens / it-trawwim ta’ ftehim dwar proġetti komuni u ffaċilitar tal-implimentazzjoni tagħhom
|
Rapportar u tabelli ta’ valutazzjoni
Ewrobarometru Annwali
|
5.1.Governanza
Mil-lat operazzjonali, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi Kumpass Diġitali fl-għamla ta’ programm ta’ politika diġitali li jrid jiġi adottat permezz ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex issir enfasi fuq it-twettiq u l-impenn kostanti tal-għanijiet diġitali komuni. Il-programm ikollu l-aspetti li ġejjin:
-Sett ta’ objettivi konkreti għal kull wieħed mill-erba’ punti fundamentali kif propost fit-Taqsima 3.
-Sistema ta’ monitoraġġ li tkejjel il-progress tal-UE skont il-miri ewlenin għall-2030 (it-Taqsima 3 u l-Anness) u l-prinċipji diġitali (it-Taqsima 4), li tivvaluta wkoll l-oqsma b’nuqqas ta’ żvilupp biżżejjed fil-livell tal-Istati Membri, inkluż pereżempju nuqqas ta’ azzjoni jew implimentazzjoni mhux kompluta ta’ proposti regolatorji ewlenin. L-indikaturi sottostanti għall-monitoraġġ tal-miri fil-livell tal-UE u x-xejriet tad-diġitalizzazzjoni fil-livell nazzjonali se jkunu parti minn rapportar imtejjeb tad-DESI biex jiġu allinjati u sfruttati l-proċessi u l-metodoloġiji eżistenti.
-Il-Kummissjoni Ewropea se tkun responsabbli għall-analiżi u għar-rapportar ġenerali dwar il-progress fil-livell Ewropew. Dan ir-rapportar se jipprovdi ħarsa ġenerali u analiżi tas-sitwazzjoni u juri d-distakk li jkun għad fadal lejn il-miri tad-deċennju diġitali (ara bħala eżempju l-graff hawn taħt). L-għan aħħari hu li jiġu identifikati l-oqsma li għadhom lura u kif in-nuqqasijiet identifikati jistgħu jiġu indirizzati b’miżuri u b’rakkomandazzjonijiet fil-livell Ewropew u/jew nazzjonali.
Kemm ninsabu ’l bogħod mill-miri tal-2030 li jippermettu soċjetà diġitali inklużiva u sostenibbli?
Skont l-analiżi, il-Kummissjoni se tippubblika r-Rapport dwar l-Istat Ewropew tad-Deċennju Diġitali kull sena lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, biex tirrapporta dwar il-progress lejn il-viżjoni tal-2030 u l-punti, il-miri u l-prinċipji fundamentali korrispondenti, u dwar l-istat aktar ġenerali tal-konformità ma’ dawn l-objettivi, b’punteġġ bl-għamla ta’ “dwal tat-traffiku”. Ir-rapport se jgħarrafna dwar id-devjazzjonijiet mill-għanijiet u l-prinċipji diġitali komuni tal-UE għall-2030 u jidentifika distakki fl-investiment. Ir-Rapport Annwali dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali, bħala rapport uniku dwar il-progress fis-settur diġitali, se jikkontribwixxi wkoll għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, u se jkun allinjat mal-proċess tal-faċilità għall-irkupru u r-reżiljenza.
Ir-Rapport se jixpruna analiżi kollaborattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġu identifikati soluzzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqasijiet u biex jiġu proposti azzjonijiet immirati għal rimedji effettivi. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa biex b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri twettaq segwitu operazzjonali u tipprovdi rakkomandazzjonijiet. Dawn jistgħu jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni regolatorja jew il-ħtieġa għal intervent pubbliku biex jitrawmu investimenti addizzjonali fit-teknoloġiji u fil-kapaċitajiet diġitali, eż. permezz tal-iżvilupp ta’ Proġetti Multinazzjonali.
Il-programm ta’ politika se jistabbilixxi mekkaniżmu li permezz tiegħu, il-Kummissjoni tkun tista’ tinvolvi ruħha b’kooperazzjoni u b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex isiru impenji konġunti u jitwettqu miżuri possibbli fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, filwaqt li titqies ukoll l-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi diġitali oħra. Barra minn hekk, il-programm ta’ politika se jkun opportunità għall-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha mal-Istati Membri ħalli jinħolqu u jissoktaw Proġetti Multinazzjonali, kif deskritt hawn taħt.
Filwaqt li l-enfasi tkun fuq il-kooperazzjoni u fuq il-koordinazzjoni mal-Istati Membri, biex il-governanza tkun effettiva, l-atturi ekonomiċi u soċjetali kollha jeħtieġ ikollhom fiduċja profonda sew fit-twettiq. Din hi kundizzjoni ewlenija biex tirnexxi l-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-UE, u għalhekk il-Kumpass se jkun soġġett għal konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonernati rilevanti.
5.2.Proġetti Multinazzjonali
Biex titwettaq il-viżjoni Ewropea għad-Deċennju Diġitali, neħtieġu kapaċitajiet diġitali fl-erba’ oqsma tal-Kumpass Diġitali, li jistgħu jitwettqu biss jekk l-Istati Membri u l-UE jikkondividu r-riżorsi. Għall-proġetti teknoloġiċi l-kbar li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa, hemm bżonn jitħaddem approċċ Ewropew għall-bini tal-kapaċitajiet diġitali. Għal kapaċitajiet Ewropej mill-aktar avvanzati neħtieġu massa kritika ta’ finanzjament u allinjament mill-atturi kollha.
Il-Kunsill Ewropew appella li jissaħħu iżjed is-sinerġiji bejn l-użu tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali fir-rigward ta’ proġetti teknoloġiċi ewlenin bħal dawn. Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jirrikonoxxu l-opportunità li jinħolqu Proġetti Multinazzjonali li jlaqqgħu investimenti minn diversi pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Barra minn hekk, jenħtieġ titħejja azzjoni għal perjodu itwal ta’ żmien, biex tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni tal-investimenti mill-baġit tal-UE, tal-Istati Membri u tal-industrija.
Id-direzzjonijiet possibbli għall-Proġetti Multinazzjonali diġà ġew diskussi mal-Istati Membri bħala parti mit-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, permezz tal-inizjattivi ewlenin Konnessjoni, Espansjoni, Modernizzazzjoni u Taħriġ mill-ġdid u Titjib tal-ħiliet. Il-Kummissjoni offriet appoġġ operazzjonali u ħeġġet lill-Istati Membri biex jużaw finanzjament mill-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiġbdu ħabel wieħed u jappoġġaw Proġetti Multinazzjonali bħal dawn.
Proġetti diġitali multinazzjonali diskussi s’issa mal-Istati Membri permezz tal-RRF:
-Nibnu infrastruttura tal-ipproċessar tad-data interkonnessa pan-Ewropea komuni u bi skopijiet multipli, li tintuża f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali biex jiġu żviluppati kapaċitajiet edge f’ħin reali (latenza baxxa ħafna) li jaqdu l-ħtiġijiet tal-utenti finali qrib fejn tiġi ġġenerata d-data (jiġifieri fit-truf tan-networks tat-telekomunikazzjoni), jitfasslu pjattaformi tal-middleware siguri, b’konsum baxx tal-enerġija u interoperabbli għal użi settorjali, u li jippermettu skambju u kondiviżjoni faċli tad-data, b’mod partikolari għall-Ispazji Komuni Ewropej tad-Data;
-L-UE tikseb kapaċitajiet fid-disinn u fl-iskjerament tal-elettronika ta’ proċessuri fdati tal-ġenerazzjoni li jmiss b’konsum baxx tal-enerġija u b’komponenti elettroniċi oħra li huma meħtieġa biex iħaddmu l-infrastruttura diġitali kritika, is-sistemi tal-IA u n-networks tal-komunikazzjoni tagħha;
-L-iskjerament pan-Ewropew ta’ kurituri tal-5G għal operazzjonijiet ferrovjarji diġitali avvanzati u għal Mobbiltà Konnessa u Awtomatizzata, li jikkontribwixxu għall-objettivi tas-sikurezza fit-toroq u tal-patt ekoloġiku;
-L-akkwiżizzjoni ta’ supercomputers u kompjuters kwantistiċi, konnessi man-network tal-komunikazzjoni EuroHPC b’wisa’ estrema tal-banda, investiment u kooperazzjoni fi pjattaformi tal-applikazzjoni fuq skala kbira li jeħtieġu superkomputazzjoni (eż. fis-saħħa, fit-tbassir tad-diżastri) u fiċ-ċentri ta’ kompetenza nazzjonali tal-HPC, u ħiliet fl-HPC u Kwanitistiċi;
-L-iżvilupp u l-iskjerament ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni kwantistika ultrasigura li tkopri lill-UE kollha, biex tiżdied b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-komunikazzjoni u tal-ħżin ta’ assi tad-data sensittiva madwar l-UE kollha, inkluż ta’ infrastrutturi kritiċi;
-L-iskjerament ta’ network ta’ Ċentri tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà, li jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali u li jkun kapaċi jidentifika sinjali ta’ attakk ċibernetiku minn kmieni biżżejjed, u li jippermetti azzjoni proattiva, biex jitjiebu t-tħejjija u r-rispons konġunti għar-riskji fil-livell nazzjonali u tal-UE;
-Amministrazzjoni Pubblika Konnessa: mibnija b’mod kumplimentari u f’sinerġija mal-qafas tal-eIDAS u li toffri Identità Diġitali Ewropea volontarja għal aċċess u użu tas-servizzi diġitali online mis-setturi pubbliċi u privati, b’mod li jtejjeb il-privatezza u f’konformità sħiħa mal-liġijiet eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data; Tinbena sistema ta’ darba biss li tippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali jiskambjaw data u evidenza bejn il-fruntieri, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali u d-drittijiet fundamentali;
-Infrastruttura għas-Servizzi Ewropej tal-Blockchain: bl-iżvilupp, bl-iskjerament u bit-tħaddim ta’ infrastruttura pan-Ewropea bbażata fuq il-blockchain li hija ekoloġika, sigura, f’konformità sħiħa mal-valuri tal-UE u mal-qafas ġurifiku tal-UE, li tagħmel il-fornimenti transfruntieri u nazzjonali/lokali tas-servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u affidabbli u tippromwovi mudelli kummerċjali ġodda;
-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea bit-tlestija ta’ network madwar l-UE ta’ “Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali” (EDIHs), li jkunu “punti uniċi ta’ servizz” biex l-SMEs ikollhom għarfien espert tekniku, opportunitajiet biex “jittestjaw qabel jinvestu”, pariri ta’ finanzjament, taħriġ u aktar;
-Sħubijiet ta’ teknoloġija avvanzata għall-ħiliet diġitali permezz tal-Patt għall-Ħiliet: fl-ekosistemi industrijali, fir-reġjuni u fl-Istati Membri kollha hemm skarsezzi dejjem akbar ta’ speċjalisti fl-ICT. Biex jixxejnu dawn in-nuqqasijiet, tista’ tiġi stabbilita sħubija tal-ħiliet fuq skala kbira bejn diversi partijiet ikkonċernati ħalli jinbena pont bejn id-domanda u l-provvista, jitrawwem investiment privat u pubbliku akbar, tiżdied il-kwantità u l-kwalità tal-offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ speċjalizzati u tingħata spinta lill-eċċellenza fl-edukazzjoni ogħla u fl-istituzzjonijiet tal-VET, biex isiru aktar attraenti u jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol f’termini diġitali.
Il-Kummissjoni impenjata li tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali, inkluż permezz tal-RRF, u bi djalogu msaħħaħ mal-Istati Membri, inkluż permezz ta’ qafas ta’ governanza flessibbli.
S’issa ntużaw varjetà ta’ mekkaniżmi għal proġetti u investimenti differenti, li wrew diskrepanza fis-sett ta’ għodod tal-Kummissjoni li jikkombina l-finanzjament tal-Istati Membri, il-baġit tal-UE u l-investiment privat għall-finijiet tal-iskjerament u tat-tħaddim ta’ infrastrutturi u servizzi ta’ interess komuni, barra mill-qasam tar-riċerka.
B’mod partikolari, biex ikollna mekkaniżmu effiċjenti għall-iskjerament u t-tħaddim tal-proġetti multinazzjonali diġitali (u possibbilment anki għal proġetti f’oqsma oħra), hemm bżonn jiġu kkombinati għadd ta’ elementi:
·il-possibbiltà li dawn jiġu stabbiliti malajr u b’mod flessibbli, filwaqt li jkun żgurat li jibqgħu miftuħin għall-Istati Membri interessati kollha;
·arranġamenti standard li jirregolaw kwistjonijiet komuni bħas-sjieda u l-ġestjoni tad-data, inkluż ir-rwol tal-Kummissjoni li tiżgura ftuħ, allinjament mal-prijoritajiet u r-regolamenti miftiehma tal-UE, inkluż regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, u l-koordinazzjoni mal-programmi u l-politiki tal-UE;
·l-iffaċilitar tal-kombinament tal-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali, u l-kumplimentarjetà u l-kombinament tad-diversi sorsi ta’ finanzjament, filwaqt li jinħolqu inċentivi biex jiġu attirati investimenti privati;
·il-kapaċità legali ta’ akkwist u tħaddim ta’ infrastrutturi multinazzjonali u servizzi pan-Ewropej ta’ interess pubbliku, li jmorru lil hinn mir-riċerka u li jiffaċilitaw in-newtralità tal-bejjiegħa.
Biex toffri soluzzjoni effiċjenti u tinċentiva lill-Istati Membri jaħdmu flimkien fi Proġetti Multinazzjonali, filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet miksuba, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti permezz tal-RRF, il-Kummissjoni qed tivvaluta alternattivi, bħall-fattibbiltà u l-karatteristiċi ta’ strument speċifiku għal Proġetti Multinazzjonali, bħala parti minn proposta futura għall-Programm ta’ Politika Diġitali.
Il-Kumpass Diġitali: għodda ġdida biex tidderieġi d-Deċennju Diġitali
Il-Kummissjoni se tipproponi Kumpass Diġitali fil-forma ta’ programm ta’ politika li jrid jiġi adottat permezz ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan il-Kumpass Diġitali se jinkludi:
(I)miri konkreti biex titwettaq il-viżjoni tagħna tal-erba’ punti fundamentali mkejla fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali b’indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni abbażi ta’ DESI imtejjeb,
(II)struttura ta’ governanza li tinkludi rapportar annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn id-Deċennju Diġitali li jista’ jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jiġu limitati devjazzjonijiet mill-kisba tal-għanijiet,
(III)monitoraġġ tal-prinċipji diġitali approvati fid-dikjarazzjoni interistituzzjonali, u
(IV)mekkaniżmu biex jiġu organizzati Proġetti Multinazzjonali mal-Istati Membri skont il-ħtieġa biex titwettaq it-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa f’oqsma kritiċi.
6.
Sħubijiet Internazzjonali għad-Deċennju Diġitali
Għarafna li l-grad tad-diġitalizzazzjoni ta’ ekonomija jew ta’ soċjetà mhux biss hu bażi kritika tar-reżiljenza ekonomika u soċjetali, iżda hu wkoll fattur fl-influwenza dinjija. Il-pandemija ħarġet fid-dieher kemm il-politika diġitali qatt mhi newtrali fir-rigward tal-valuri, u għalhekk issa, fil-kuntest ta’ bosta mudelli kompetituri offruti, l-UE tista’ tippromwovi l-viżjoni pożittiva tagħha, bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, għal ekonomija u soċjetà diġitali.
Biex jirnexxi d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa, se nibnu sħubijiet diġitali internazzjonali sodi li jaqblu mal-erba’ pilastri tal-Kumpass tagħna: il-ħiliet, l-infrastrutturi, it-trasformazzjoni tan-negozji u t-trasformazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Dawn se jsaħħu l-kapaċità tal-UE li tafferma l-interessi tagħha stess u tipprovdi soluzzjonijiet ġenerali filwaqt li tiġġieled kontra prattiki inġusti u abbużivi u tiżgura s-sigurtà u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista diġitali tal-UE.
Il-punt tat-tluq tal-UE hu ekonomija diġitali miftuħa, u bbażata fuq il-fluss tal-investimenti u fuq l-innovazzjoni bħala xprun tal-prosperità. Fl-istess ħin, l-UE se tippromwovi bis-sħiħ l-interessi u l-valuri ewlenin tagħna, permezz ta’ tliet prinċipji ġenerali: kundizzjonijiet ekwi fis-swieq diġitali, spazju ċibernetiku sigur, u ż-żamma tad-drittijiet fundamentali online.
Il-politika u l-ftehimiet kummerċjali se jaqdu rwol vitali f’dan ir-rigward billi jistabbilixxu r-regoli ġenerali u bilaterali għall-kummerċ diġitali b’mod miftuħ iżda assertiv, abbażi tal-valuri Ewropej. Bħala parti ċentrali mir-relazzjoni transatlantika mġedda, l-UE pproponiet li jiġi stabbilit Kunsill ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, biex tkompli tissaħħaħ is-sħubija tagħna fil-kummerċ u fl-investiment, tiżdied it-tmexxija teknoloġika u industrijali konġunta tagħna, jinħolqu standards kompatibbli, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tar-riċerka, titħeġġeġ kompetizzjoni ġusta u tkun żgurata s-sigurtà ta’ ktajjen tal-provvista kritiċi.
L-UE hi attur ewlieni f’fora multilaterali u promotur ta’ multilateraliżmu inklużiv fejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademja u partijiet ikkonċernati oħra jaħdmu flimkien. Fora bħal dawn jistgħu jtejbu l-funzjonament tal-ekonomija diġitali madwar id-dinja, bħal fil-każ tan-negozjati dwar regoli ġodda tal-kummerċ elettroniku fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-UE se taħdem b’mod attiv u assertiv fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali biex tippromwovi l-viżjoni tagħha ta’ diġitalizzazzjoni bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha u ma’ sħab tal-istess fehma. Dan l-approċċ ikkoordinat jenħtieġ jiddefendi b’mod speċjali l-użu ta’ teknoloġija li jkun jaqbel għalkollox mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mad-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Is-sħubijiet diġitali internazzjonali tal-UE se jkunu sostnuti b’sett ta’ għodod imsejjes fuq il-kombinament ta’ kooperazzjoni regolatorja li tindirizza l-bini tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet, investiment f’kooperazzjoni internazzjonali u sħubijiet ta’ riċerka. Għal dak il-għan se jintuża programm dejjem akbar ta’ djalogi bilaterali:
·Is-sħubijiet diġitali internazzjonali tal-UE se jippromwovu allinjament jew konverġenza man-normi u mal-istandards regolatorji tal-UE fuq kwistjonijiet bħall-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-flussi tad-data, l-użu etiku tal-IA, iċ-ċibersigurtà u l-fiduċja, l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-kontenut illegali online, l-iżgurar tal-governanza tal-internet, u l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ finanzi diġitali u gvernijiet elettroniċi. L-UE se tikkontribwixxi wkoll għal soluzzjonijiet komuni bħall-ħidma li qed issir fil-G20 u fl-OECD għal soluzzjoni dinjija b’konsensus biex tiġi indirizzata t-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali.
·Biex issostni s-sħubijiet diġitali tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mal-pajjiżi emerġenti, il-Kummissjoni se tfassal u tipproponi pakketti ta’ ekonomija diġitali bbażati fuq is-sett ta’ għodod. Dawn se jiġu ffinanzjati bl-Inizjattivi ta’ Team Europe (TEIs) li jikkombinaw ir-riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, filwaqt li jaħdmu ma’ kumpaniji Ewropej ewlenin fid-dinja, inkluż bl-iżvilupp u bin-networking ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali. Dawn il-pakketti se jitfasslu b’mod li l-punti fundamentali jibqgħu kollegati u indirizzati b’mod komprensiv, ħalli tkun żgurata l-promozzjoni ta’ mudell tal-iżvilupp diġitali bbażat fuq il-bniedem. It-trawwim tal-konnettività diġitali biex titnaqqas il-qasma diġitali jeħtieġ investimenti importanti u għalhekk kooperazzjoni finanzjarja komprensiva, inkluż ma’ sħab tal-istess fehma u ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali. Team Ewropa se jindirizza dan id-distakk diġitali fil-pajjiżi sħab, b’fokus partikolari fuq l-Afrika, u fl-istess ħin se jippromwovi t-teknoloġija u l-valuri tal-UE. Dan jista’ jitwieżen bil-ħolqien ta’ Fond għall-Konnettività Diġitali b’approċċ ta’ Team Europe. Il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà tiegħu, flimkien mas-sħab tagħna, fix-xhur li ġejjin.
·Is-Sħubijiet Diġitali se joffru l-opportunità biex jitwettqu attivitajiet tar-riċerka konġunti, inkluż permezz ta’ Impriżi Konġunti dwar kwistjonijiet industrijali, li se jappoġġaw it-tmexxija tal-UE f’teknoloġiji li qed jevolvu bħas-6G, il-Kwantum jew l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali.
Sħubijiet Internazzjonali: il-kumpass diġitali fl-azzjoni
Fl-2020, l-UE proponiet sħubija għal transformazzjoni diġitali, mal-Afrika, b’enfasi fuq il-ħiliet b’opportunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, investiment f’infrastruttura sostenibbli abilitanti ewlenin, kooperazzjoni regolatorja u konvergenza, inkluż b’tisħiħ tal-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll b’aktar flussi siguri tad-data u b’kooperazzjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali u d-digitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni publika. Din tappoġġa l-iżvilupp ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali u l-estensjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u tappoġġa s-Suq Uniku Diġitali Afrikan. Iċ-Ċentru Digital4Development imniedi f’Diċembru 2020 se jlaqqa’ l-għarfien espert Ewropew għall-iżvilupp ta’ programm u assistenza teknika.
Is-sħubijiet diġitali komprensivi huma ugwalment ċentrali għar-relazzjonijiet tagħna mal-Balkani tal-Punent u mal-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Il-Kumpass hu rifless ukoll fl-impenn diġitali tagħna lil hinn miż-żoni tal-ħin Ewropej, inkluż is-sħab Asjatiċi tagħna, kif ukoll l-Amerka Latina u l-Karibew.
Filwaqt li tibni fuq relazzjoni transatlantika mġedda bħala pilastru sod tal-impenn internazzjonali diġitali tagħna, l-UE jenħtieġ tmexxi t-triq lejn koalizzjoni usa’ ta’ sħab tal-istess fehma, li tkun miftuħa u żviluppata flimkien ma’ dawk kollha li għandhom l-istess viżjoni għal trasformazzjoni diġitali bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha. Flimkien se niddefendu l-internet miftuħ u deċentralizzat, ibbażat fuq world wide web uniku, u l-użu ta’ teknoloġija li tirrispetta l-libertajiet individwali u tippromwovi kundizzjonijiet ekwi diġitali. Koalizzjoni bħal din teħtieġ ħidma flimkien biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-innovazzjoni, jinħolqu standards f’fora multilaterali – bħal dwar l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali – u jiġu promossi flussi tal-kummerċ diġitali bi ktajjen tal-provvista interdipendenti u reżiljenti, u spazju ċibernetiku sigur. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu mal-Istati Membri tal-UE biex jiżviluppaw approċċ komprensiv u kkoordinat għall-bini ta’ koalizzjoni diġitali u sensibilizzazzjoni diplomatika, inkluż permezz tan-network tad-delegazzjonijiet tal-UE.
Sal-2030, is-sħubijiet diġitali internazzjonali jenħtieġ joħolqu opportunitajiet akbar għall-kumpaniji Ewropej, aktar kummerċ diġitali permezz ta’ networks siguri, rispett tal-istandards u tal-valuri Ewropej, u ambjent internazzjonali li jappoġġa aktar it-tip ta’ trasformazzjoni diġitali, bil-bniedem fiċ-ċentru tagħha, li rridu nwettqu aħna u sħab oħrajn.
7.
Konklużjoni: it-triq ’il quddiem
Il-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tfassal perkors ċar lejn viżjoni u azzjonijiet komuni għall-Ewropa biex tirnexxi fid-Deċennju Diġitali, fi ħdan l-Unjoni u fid-dinja.
L-involviment u l-impenn tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati kollha huma kruċjali biex tinkiseb trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, ftit wara din il-Komunikazzjoni, se tibda proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar il-prinċipji diġitali. Tul 2021, se taħdem mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mas-sħab reġjonali u ekonomiċi, man-negozji u maċ-ċittadini, fuq elementi speċifiċi tal-Komunikazzjoni, fosthom il-qafas tal-kumpass b’miri u b’governanza speċifiċi. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi forum għall-partijiet ikkonċernati li jkun assoċjat ma’ xi aspetti tal-ħidma tal-Kumpass Diġitali tal-2030.
Il-Kummissjoni se tibni fuq dawn il-passi ta’ konċertazzjoni biex tipproponi l-Programm ta’ Politika Diġitali lill-koleġiżlaturi sat-tielet kwart tal-2021, u tittama li sal-aħħar tal-2021 tikseb progress deċiżiv mal-istituzzjonijiet l-oħra dwar Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji Diġitali.